Fil-Premier League Ingliż numru ta’ partiti għat-timijiet ta’ fuq tal-klassifika.
Rebħa importanti għal Arsenal barra minn darhom għand Everton bl-iskor ta’ 1-0 liema rebħa aċċertat li l-Gunners se jkunu fl-ewwel post tal-klassifika fil-ġurnata tal-Milied. Il-gowl uniku tal-partita wasal fis-27 minuta meta mill-ħdax-il metru kien l-attakkant Viktor Gyokeres li ma żbaljax u għeleb lil Jordan Pickford.
F’St James’ Park draw ta’ 2-2 bejn Newcastle u Chelsea f’partiti mill-aktar pjaċevoli għall-partitarji newtrali. Newcastle fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima b’doppjetta ta’ Nick Woltemade. Fit-tieni taqsima inbidel l-andament tal-partita b’Reece James inaqqas id-distakk fid-49 minuta u Joao Pedro jikseb il-gowl tad-draw fis-66 minuta.
Fl-Etihad Stadium riżultat mill-aqwa għal Man City meta għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 3-0 u telgħu momentarjament f’ras il-klssifika. Is-solitu Erling Haaland fetaħ l-iskor wara ħames minuti b’Tijani Reinders jirdoppja fit-38 minuta wara azzjoni maħduma tajba bejn Cherki u Haaland. Fid-69 minuta reġa’ għal darb’oħra kien Erling Haaland li fetaħ fix-xibka għal 3-0.
F’Londra rebħa importanti wkoll għal Liverpool fuq Tottenham bl-iskor ta’ 2-1. Tottenham sfaw jilgħabu b’għaxar plejers fit-33 minuta meta tkeċċa XAVI Simons. Fis-56 minuta Liverpool marru fil-vantaġġ meta kien Alexander Isak minn pass ta’ Florian Wirtz xeħet fix-xibka għal 1-0. Liverpool irdoppjaw għaxar minuti wara permezz ta’ Hugo Ekitike qabel fit-83 minuta kien Richarlison li skorja għal Tottenham liema gowl ma kienx biżżejjed biex jieħdu l-punti minn din il-partita. Fl-aħħar tal-partita tkeċċa wkoll Christian Romero.
//= $special ?>

