Kuntrarju għall-istampa li qed jipprova jpinġi l-Partit Laburista, ma hemm l-ebda bażi ta’ investigazzjoni fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward ta’ dak li qal dwar il-mediċini ġenerici.
Dalgħodu l-Labour, permezz tal-media tiegħu, ħareġ bil-Fake News li l-Kap tal-PN Alex Borg ta xi informazzjoni falza fuq il-mediċini ġeneriċi imma l-verità hi li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika tant ma sab xejn li ddeċieda li lanqas biss hemm bażi biex l-ilment li tressaq jiġi investigat.
Fil-fatt, kif inhija l-proċedura, minħabba li ma saritx investigazzjoni, ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards lanqas biss ġie ppubblikat, minkejja li l-media Laburista jidher li għandha kopja tant li rrappurtat dak li ħareġ mir-rapport.
Ħasra li lanqas biss kellha d-diċenza tirrapporta li l-Kummissarju ma sab xejn fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-ebda ksur.
L-ebda investigazzjoni.
L-ebda ħtija.
Hija wkoll Fake News tal-Labour li l-Kummissarju b’xi mod qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista gideb. Dan joħroġ ċar u tond mill-kunsiderazzjonijiet finali li jġiddbu l-allegazzjoni tal-media Laburista li dawret kliem il-Kummissarju għall-Istandards.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jkompli jaħdem favur il-pazjenti, l-anzjani u l-vulnerabbli, waqt li jibqa’ jaħdem biex f’pajjiżna jkollna sistema ta’ saħħa aħjar li minnha jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha. Sistema fejn il-poplu Malti jkollu l-mediċini li għandu bżonn u mhux jispiċċa jħallas għalihom minn butu għax ikunu out-of-stock. U sistema fejn il-mediċini joħrsu u mhux jogħlew kaġuni ta’ tariffi għolja li jiddaħħlu nkiss inkiss fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom.
Dan kuntrarju għas-sitwazzjoni bil-Partit Laburista fil-Gvern fejn il-poplu Malti mhux biss spiċċa l-akbar vittma ta’ deal skandaluż ma’ Vitals u Steward li kif qal l-arbitraġġ qatt ma kellu jseħħ, imma talli għadu qed jistenna t-tliet sptarijiet ġodda li ġie mwiegħed. Deal li fih il-Gvern mhux talli falla milli jġib lura €488 miljun li ammetta hu stess li talab, imma talli se jkollu joħroġ €5 miljuni oħra biex jagħtihom lil min seraqna fuq l-isptarijiet.
//= $special ?>

