Lokali

“Il-Community Chest Fund qed twassal għajnuna imprezzabbli”

Ritratt: Joseph Galea
Ritratt: Joseph Galea

“Irridu nibqgħu nikkontribwixxu biex il-Malta Community Chest Fund tkompli tissaħħaħ.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Alex Borg meta s-Sibt indirizza lin-nazzjon, waqt il-ftuħ tal-kampanja annwali ‘Milied Flimkien’.

Alex Borg – li kien akkumpanjat minn Sarah u miċ-ċkejken Sam – awgura lill-President ta’ Malta biex fl-Istrina ta’ din is-sena terġa’ tinġabar somma mill-isbaħ. Hawn, hu saħaq li għandu jsir kull sforz possibbli biex il-Malta Community Chest Fund tkompli twassal għajnuna imprezzabbli lill-poplu kollu – partikolarment dawk li verament jiġu bżonn kura, f’mumenti ta’ sfida personali.

Fil-messaġġ li wassal, il-Kap tal-PN appella biex matul is-sena kollha nibqgħu naħdmu għall-ġid tal-pajjiż kollu.

Is-serata fi Pjazza Kastilja kienet indirizzata wkoll mill-Arċisqof Charles Scicluna, illi tkellem fuq l-importanza ta’ Ġesù bambin fil-Milied għaliex jirrapreżenta t-tama – filwaqt li saħaq ukoll fuq l-importanza li nkunu ma’ xulxin, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapreżentanti Anglu Farrugia saħaq fuq l-importanza tal-paċi u fakkar li hawn numru ta’ pajjiżi li bħalissa għaddejjin minn sitwazzjonijiet differenti, u l-problemi li jġibu magħhom dawn il-kunflitti.

L-attivita kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru, illi tkellem fuq il-ġenerożità tal-poplu Malti u l-importanza tal-imħabba f’dan iż-żmien ta’ festi kif ukoll matul is-sena kollha.

U fil-messaġġ tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono aċċennat fuq il-ħtieġa tad-diskussjoni kif ukoll irringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu. Dan apparti li wasslet messaġġ favur il-paċi.

Fl-aħħar nett, il-President saħqet fuq l-importanza tad-donazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu fl-Istrina l-għada tal-Milied, għal dawk kolla li jiġu bżonn assistenza fl-iktar żminijiet diffiċli.