Lokali

Il-Labour jibqa’ jaħbi d-dejn tas-Super One

Il-Partit Laburista qed jaħbi kemm għandha dejn il-Kumpanijja ONE – U b’mod kumplessiv dejn totali li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Labour.

Dan kompla joħroġ fiċ-ċar matul dawn l-aħħar jiem, bil-Kap Eżekuttiv tal-Labour Leonid Mckay issa jikkonferma li, l-Partit Laburista ma jridx jgħid kemm hu d-dejn totali tal-Kumpanijji tal-istess partit.

Fuq il-PBS il-Ġimgħa filgħaxija, waqt dan l-istess programi s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien trasparenti mal-poplu kollu. Dan anke għal fatt li l-amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista dejjem baxxew rashom f’ġieħ it-trasparenza u kienu onesti fuq is-sitwazzjoni finanzjarja.

Iżda l-Partit Laburista jrid ikompli jaħbi, bil-Kap Eżekuttiv tal-Labour Leonid Mckay spiċċa daru mal-ħajt meta ġie pressat minn Charles Bonello dwar il-veru ċifri ta’ miljuni ta’ dejn li għandu s-Super One.

Apparti min hekk Leonid Mckay mill-ġdid attakka l-Awtorità tax-Xandir u reġa’ ma weriex il-fiduċja fis-survey li poġġa l-Net TV bħala l-iktar stazzjon segwit. Min naħa l-oħra però Charles Bonello saħaq li meta s-survey kien favur il-ONE, il-Labour kien jikkwotah, u għalekk li l-Partit Laburista m’għadux kredibbli.

Intant pressat, saħanistra mill-preżentatur, dwar kemm hu d-dejn komprensiv tal-Partit Laburista, u l-obbligi finanzjarji tal-ONE. Leonid Mckay spiċċa jgħid li mhux ħa jitkellem fuq id-dejn tal-istess Super One fuq il-programm.

Min naħa l-oħra is-Segretarju Charles Bonello għalaq billi qal li l-PN m’għandux għalfejn jisħi jew jibża mill-verità, dan anke minħabba l-assi ta’ miljuni kbar li l-Partit Nazzjonalista ħadem biex akwista matul is-snin.