Lokali

L-iskambju tal-awguri mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż

Ritratt: Joseph Galea

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg akkumpanjat minn Sarah, wassal l-awguri tiegħu għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lil l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna propju fl-ewwel Milied tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dan hekk kif is-Sibt waranofsinhar, iltaqa’ mal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt, u aktar tard matul il-ġurnata iltaqa’ wkoll mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna fil-Palazz tal-Arċisqof.

Waqt dawn l-iskambji l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-kuntatt kontinwu man-nies kif ukoll se jkompli bil-ħidma favur il-governanza tajba. Dan filwaqt li rringrazzja lill-President kif ukoll l-Arċisqof għall-ħidma tagħhom.

Il-President minn naħa tagħha ma naqsitx milli tenfasizza fuq l-importanza tas-solidarjetà f’dan iż-żmien tas-sena. Anke minħabba l-fatt li l-ġimgħa d-dieħla, il-pajjiż ikun qed jingħaqad għall-maratona tal-Istrina – li se tirritorna l-għada tal-Milied.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lil Alex Borg tal-ħidma tiegħu fl-ewwel ftit xhur bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan apparti li l-Arċisqof saħaq fuq l-importanza tal-ħidma favur id-demokrazija u sabiex bħala Kap tal-Oppożizzjoni jżomm f’qalbu l-onestà u s-sinċerità bil-għan li jħalli differenza f’ħajjet in-nies.

Intant, matul il-ġurnata tas-Sibt kien hemm ukoll żjarat mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ delegazzjoni immexxija mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello.

Għaldaqstant, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wkoll wasslu l-awgurju tagħhom lill-President Myriam Spiteri Debono u l-Arċisqof Charles Scicluna.

Matul din iż-żjara l-Arċisqof fakkar lill-Grupp Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra dwar l-importanza tal-għaqda fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan filwaqt li faħħar il-ħidma tagħhom favur il-ħajja u fakkar li l-ħajja tibda mill-konċepiment.

L-awguri twasslu anke mid-deputati tal-Partit Laburista; flimkien mal-Ispeaker Anglu Farrugia dan filwaqt li aktar kmieni l-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn martu Lydia Abela, wassal l-awguri lill-President u lill-Arcisqof. L-istess għamel il-Prim Imħallef Mark Chetcuti.