Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkawża ġrieħi gravi fuq mara

Raġel ta’ 46 sena residenti l-Imsida ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li kkawża ġrieħi gravi fuq mara, f’każ ta’ vjolenza domestika li seħħ f’Settembru tal-2024. Kevin Micallef ammetta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew iqiegħed il-ħajja tal-vittma f’periklu ċar, ikkawżalha ħsara serja fil-ġisem u fis-saħħa tagħha.

Il-każ seħħ fl-appartament tal-imputat fl-Imsida, bejn il-11.45am u t-12.30pm tal-14 ta’ Settembru 2024. Il-Qorti semgħet li l-partijiet kienu ressqu rikors konġunt skont l-Artikolu 392A(5) tal-Kodiċi Kriminali, li fih intlaħaq ftehim dwar il-piena f’każ li l-imputat jammetti l-akkużi.

Wara li spjegatlu b’mod ċar il-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tiegħu, u wara li kkonfermat li l-ftehim kien leġittimu u xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Qorti aċċettat l-ammissjoni. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li kienet qed tistrieħ fuq ir-rapport mediku ppreżentat, u f’dak id-dawl applikat l-Artikolu 216 tal-Kodiċi Kriminali, li jittratta ġrieħi gravi, u mhux dak relatat ma’ ġrieħi aktar serji.

Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin kontra Micallef għall-perjodu ta’ tliet snin sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-vittma. Din l-ordni tinkludi kundizzjonijiet speċifiċi li l-imputat irid josserva strettament.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati jħallas l-ispejjeż tal-esperti, li jammontaw għal €308.96, fi żmien sitt xhur. F’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-ammont dovut jista’ jiġi konvertit fi priġunerija skont il-liġi.

Il-Maġistrat fakkret lill-imputat li jekk jikkommetti reat ieħor punibbli bi priġunerija matul il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża, din tista’ tiġi attivata. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tal-ordni ta’ trażżin tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija.