Internazzjonali

37 sena mill-attakk ta’ Lockerbie

Illum jitfakkar is-37 anniversarju bil-bombing tat-titjira Pan Am Flight 103 – meta ajruplan tat-tip Boeing 747 sploda fuq il-villaġġ Skoċċiż ta’ Lockerbie fejn inqatlu 259 passiġġier u crew abbord flimkien ma’ 11-il persuna li kienu fost ir-residenti tal-villaġġ.

L-attakk terroristiku seħħ proprju fil-21 ta’ Diċembru tal-1988 hekk kif l-ajruplan kien telaq mill-Ajruport ta’ Heathrow f’Londra lejn il-belt Amerikana ta’ New York – meqjus bħala l-agħar attakk terroristiku fir-Renju Unit.

Fost il-vittmi kien hemm mal-190 Amerikan – li tilfu ħajjithom wara li kienu għadhom kemm bdew il-vjaġġ tagħhom inqas minn 40 minuta qabel.

Biex il-każ issolva kien hemm bżonn ta’ koperazzjoni internazzjonali bla ebda preċedent hekk kif l-FBI qieset il-każ bħala l-akbar xena ta’ reat fl-istorja tagħhom hekk kif id-debris infirex għal aktar minn 1,300 Km kwadrat.

Aktar minn 5,000 uffiċjal kienu msejħa fil-post sabiex jagħtu l-għajnuna inkluż mill-Awtoritajiet Skoċċiżi u l-FBI – b’aktar minn 10,000 individwu interrogat minn 16-il pajjiż differenti.

Il-bomba kienet tqiegħdet f’radju li kien jinsab f’bagalja abbord l-ajruplan – bl-investigaturi jorbtu l-każ ma’ żewġ individwi Libjani, Abdel Basset Ali al-Megrahi u Lamen Khalifa Fhimah – b’dan tal-aħħar jiġi liberat filwaqt li Megrahi weħel għomru l-ħabs wara ġuri f’eks bażi militari Amerikana, fl-Olanda.

Megrahi nħeles mill-ħabs fl-2009, 8 snin wara l-kundanna, hekk kif kien marid bil-marda terminali tal-kanċer, fejn miet 3 snin wara.

Intant b’rabta mal-każ fl-2022 kien arrestat Abu Agila Mas’ud Kheir Al-Marimi, magħruf aħjar bħala Masud – illum anzjan ta’ ‘il fuq minn 70 sena.

Filwaqt li jinsab arrestat, il-ġuri tiegħu għad irid jibda u mistenni li jsir aktar tard fl-2026.