Tħabbret il-mewt tal-kittieb u poeta Alfred Palma. Hu miet fir-residenza San Vincenz de Paul wara li kien rikoverat għal diversi ġimgħat fl-Isptar Mater Dei wara inċident li kellu.
Palma jibqa’ magħruf għat-traduzzjoni eċċellenti tiegħu għall-Malti tad-Divina Commedia, li dam jaħdem fuqha madwar 20 sena u temmha fl-1986 u fl-2021 kienet stampata t-tieni edizzjoni tagħha.
Jibqa’ magħruf ukoll għat-traduzzjonijiet tiegħu tad-drammi kollha ta’ Shakespeare (inklużi s-Sunetti). Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet kienu preżentati fit-Teatru Manoel b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Talenti ta’ Mario Micallef.
Barra minn hekk hu kiteb u ppubblika wkoll poeżiji, drammi, rumanzi u kotba oħra fuq suġġetti varji. Ittraduċa wkoll għall-Malti xogħlijiet ta’ awturi u poeti kbar oħra bħal Oscar Wilde, Voltaire, D.H. Lawrence u Thomas Mann. Xogħlijiet tiegħu kienu pubblikati wkoll fl-Ingilterra, fl-Istati Uniti u l-Kanada u rebaħ diversi konkorsi letterarji anki barra minn Malta.
Alfred Palma kien onorat bl-unur ta’ Ġieħ ir-Repubblika fl-2009. Fost unuri oħra f’Malta u barra, fl-2021 inħatar ‘Cavaliere della Stella f’Italia’ b’digriet uffiċjali tal-President tal-Italja Sergio Mattarella.
//= $special ?>

