Internazzjonali

Jum ta’ riflessjoni wara l-massakru ta’ Bondi

Nhar il-Ħadd, l-14 ta’ Diċembru, kien il-jum meta missier u iben indottrinizzati bl-ideoloġija terroristika tal-ISIS fetħu n-nar  bl-azzarini awtomatiċi għal fuq in-nies preżenti għaċ-ċerimonja tal-Hanukkah fil-Bajja ta’ Bondi, f’Sydney….Attakk antisemitiku ċar li rriżulta fi 15  maqtula u għexieren ta’ midruba, inklużi tfal.

Sadanittant, il-folol kbar li nġabru mill-ġdid fil-Bajja ta’ Bondi fl-aħħar sigħat – flimkien ma’ eluf oħra madwar il-pajjiż – osservaw flimkien minuta silenzju fil-ħin proprju meta seħħ dan l-attakk.

Dan waqt li llum, il-21 ta’ Diċembru qed ikun kommemorat bħala Jum ta’ Tifkira Nazzjonali mill-Gvern federali Awstraljan kif ukoll mill-Istat ta’ New South Wales li jinkludi fih il-belt ta’ Sydney.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Awstraljan,  Anthony Albanese, qed ikompli jwassal il-messaġġi ta’ għaqda u solidarjetà mal-komunitajiet tal-Lhud fl-Awstralja — u fost l-insistenza li dawn għandhom ukoll l-appoġġ mingħand kull faxxa tas-soċjetà Awstraljana.

Intant, wieħed mill-protagonisti tal-attakk ta’ ġimgħa ilu kien spiċċa maqtul waqt konfront mal-pulizija, bl-ieħor iġarrab il-feriti gravi fost isparar tal-uffiċjali tal-liġi. Mifhum li dan it-terrorista, li fil-preżent jinsab l-isptar, qiegħed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-pulizija.

Il-Gvern Awstraljan, bħalissa, qed jintroduċi l-liġijiet ġodda għal kontra l-mibgħeda fuq bażi ta’ razziżmu  u hate crimes indirizzati għall-komunitajiet tal-Lhud u minoranzi oħrajn fl-Awstralja.

Madankollu, in-nies fil-Bajja ta’ Bondi, fl-aħħar sigħat, ibbuwjaw lill-Prim Ministru Albanese mal-wasla tiegħu għall-avveniment tat-tifkira…Espressjoni ta’ rabja mill-komunità tal-Awstraljani Lhud  kontra l-Gvern, wara li l-membri tagħha ilhom mira għall-attakki antisemitiċi tul l-aħħar ġimgħat u xhur.