Lokali Qorti

Koppja bil-vizzju ta’ droga titressaq il-Qorti b’rabta ma’ akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ flus

Gwida tat-turisti ta’ 31 sena u seħibha ta’ 39 sena li jaħdem bħala aġent tal-proprjetà tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech b’akkużi relatati ma’ falsifikazzjoni ta’ flus.

Filwaqt li isem il-mara ma jistax jixxandar minħabba li għandha żewġt itfal minuri, ir-raġel huwa Clinton Bugeja Camilleri minn Ħal Tarxien.

Fil-Qorti instema kif kollox beda 6 ijiem ilu meta raġel għamel rapport mal-Pulizija li mara timbotta pushchair f’Raħal Ġdid talbitu jsarfilha l-flus u wara rriżulta li dawn kienu foloz.

Jumejn oħra mara rrapportat każ simili qrib il-Knisja Parrokkjali ta’ Raħal Ġdid.

Irriżulta li dawn il-flus kienu prop copies, ċioè jintużaw għal ġbid ta’ films apposta biex jidhru reali quddiem il-cameras.

Wara investigazzjoni tal-Pulizija, il-koppja kienet arrestata biż-żewġ individwi jitressqu quddiem il-Maġistrat b’mod separat  bit-tnejn li huma jwieġbu mhux ħatja.

Għall-ħelsien mill-arrest tal-mara l-prosekuzzjoni ma sabet ebda oġġezzjoni u ġie spjegat li l-akkużata għandha tingħata l-għajnuna ħabba l-probabbiltà ta’ vizzju ta’ droga li għandha.

Għaldaqstant, il-mara nħelset fuq garanzija personali ta’ €7,000 u bil-kundizzjoni li tkun id-dar bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.

Madanakollu Bugeja Camilleri inżamm arrestat wara li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif m’għandux indirizz fiss, isofri mill-vizzju tad-droga u huwa magħruf mal-Pulizija….bil-Maġistrat Grech konsegwentament ċaħad il-libertà proviżorja tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Karen Karmen Cassar.

Dan filwaqt li l-mara għandha jiddefendiha lill-Avukat Franco Debono waqt li s-sieħeb tagħha għandu jiddefendih lill-Avukat Silvan Pulis.