Festi Knisja Kultura Lokali

L-aħħar preparamenti qabel il-festa tal-Milied

Qegħdin erbat ijiem biss qabel il-festa tal-Milied – fl-eqqel ta’ dan iż-żmien festiv – minn parties għal ikliet, tiżjin u mużika fit-toroq u l-pjazez, minn attivitajiet fuq barra għal festini tal-familja, kif ukoll il-ħelu assoċjat ma’ dan iż-żmien tas-sena – l-ispirtu tal-Milied, issa, jinsab fl-aqwa tiegħu.

Huma bosta dawk li jassoċjaw dan iż-żmien mas-sens ta’ għaqda, ferħ, u paċi – elementi li jinħassu ferm fost il-Maltin, kif spjegawlna n-nies kollha li ltqajna magħhom fl-aħħar jiem fit-toroq tal-Belt, meta saqsejnihom kif se jqattgħu dawn il-ġranet festivi.

Għal ħafna, il-Milied u l-Ewwel tas-Sena huma okkażjonijiet li fihom jinġabru bħala familja – jieklu flimkien, u jgħożżu l-preżenza ta’ xulxin. Dan filwaqt li oħrajn iqattgħu dawn il-ġranet mal-ħbieb, jippreparaw l-ikel, joħorġu jew imorru l-quddies ta’ nofsillejl – li għadha tradizzjoni b’saħħitha ferm.

Intant, huma bosta il-persuni li f’dawn l-aħħar ġranet ta’ qabel il-Milied għażlu li jippjanaw xi safra jew żjara sal-gżira ta’ Għawdex sabiex igawdu l-wirjiet tal-presepji jew l-attivitajiet varji li qed isiru.

Oħrajn erħewlha lejn il-ħwienet sabiex jeħilsu x-xiri tar-rigali għal dawk l-aktar għeżież għalihom. U għal min forsi ma ħelisx ir-rigali f’dan l-aħħar weekend ta’ qabel il-Milied, it-tama hi li jlesti x-xiri li fadal fl-aħħar jiem ta’ qabel Jum il-Milied – nhar il-Ħamis li ġej.