Hemm bżonn li Jason Micallef inaqqas mill-arroganza tiegħu.
Sostna dan l-Editur tal-gazzetta MaltaToday meta iddedika editorjal sħiħ għad-Delegat Speċjali fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista u Chairperson tal-Park Nazzjonali Jason Micallef – hekk kif fl-editorjal ingħad li Micallef qed jittanta jiddeskrivi r-rapporti fuq ir-ramel ta’ Ta’ Qali bħala attakk fuq il-Laburisti bħalu.
Madanakollu l-editur qal li fil-verità din mhi xejn ħlief skuża stupida biex jiffumenta mibgħeda u rabja vjolenti fil-konfront tal-ġurnalisti li jwettqu x-xogħol tagħhom.
Ingħad illi Micallef qed jaġixxi bħala tifel imfissed li jgħajjar lir-rivali politiċi tiegħu u lill-ġurnalisti li qed jinvestigawh. Madanakollu bħala uffiċjal pubbliku għandu l-obbligu li jkun trasparenti u kontabbli għall-azzjonijiet li jieħu – quddiem il-poplu li jħallaslu l-paga.
L-editur spjega li meta ftit tal-jiem ilu Micallef iddeċieda li jkollu hissy-fit fuq Facebook billi attakka lill-ġurnalista ta’ Newsbook Christine Mamo, u lil ħuha li issa m’għadux ġurnalist imma jaħdem fl-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, għas-sempliċi raġuni li ħadmet servizz fuq ir-ramel tal-picnic area f’Ta’ Qali….dan kien aġir li għandu jinkwetana lkoll.
Fir-realtà ta’ Jason Micallef biss, Mamo dinbet għaliex kienet taħdem proprju ma’ Net News – bl-editur jinsisti li filwaqt li jista’ jasal għal kwalunkwe konklużjoni li jrid, Jason Micallef ċertament ma jistax jattakka u jagħmilha ta’ bully ma’ ġurnalista bil-għan li jiffumenta l-mibgħeda assoluta lejha.
L-editorjal jgħid li għal darb’oħra, Micallef għażel li jattakka personalment ġurnalist minflok jindirizza t-tħassib tan-nies; minflok iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti dwar il-fjask li għamel f’Ta’ Qali.
L-editur insista li dan huwa aġir totalment inaċċettabbli li ġej minn uffiċjal pubbliku u appella lill-Prim Ministru u dawk kollha li jiġu fuqu sabiex jieħdu l-passi neċessarji għaliex din mhux kwistjoni ta’ libertà tal-espressjoni imma kwistjoni ta’ uffiċjal pubbliku li qed juża l-influwenza tiegħu biex jintimida ġurnalist.
Dan l-aġir ta’ Micallef huwa sintomatiku miegħu, hekk kif aktar kmieni din is-sena attakka ġurnalist tal-MaltaToday b’missieru, u saħansitra hedded li jressaq il-Qorti podcaster għax kritikatu fuq ir-ramel u żrar li xeħet f’Ta’ Qali….fatt li Micallef baqa’ m’għamilx.
Fl-2024 Micallef saħansitra attakka ġurnalista oħra ta’ Newsbook billi ħadilha ritratti tal-iscreen tal-laptop tagħha u ma’ min kienet qed tpaċpaċ fuq Whatsapp – nies li skont hu kienu jappartjenu għal babaw tal-establishment.
L-editur sostna li jekk Jason Micallef ma jiflaħx għal pressjoni…. għandu jwarrab – u jekk dan jibqa’ hemm mela l-Ministri Chris Bonett, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia…għandhom ikeċċuh. Għaliex jekk dawn ma jieħdux il-passi neċessarji, mela huma kompliċi mal-kampanja ta’ Micallef.
Kampanja deskritta mill-editur bħala waħda ta’ arroganza, falliment u intimidazzjoni. L-editorjal jisħaq li dan l-aġir ta’ falliment fejn tidħol kontabbiltà hija waħda sintomatika ta’ Gvern li ftit ftit qed jitlef il-kontroll tad-destin tiegħu.
L-editur insista li kollox qed jindika li dawn il-politiċi jinsabu maqbudin minn Micallef, “by the balls” hekk kif qed jaġixxi – b’impunità assoluta mingħajr ma jħabbel rasu xejn tal-konsegwenzi.
Għalhekk l-editur temm billi insista li l-arroganza ta’ Micallef għandha tinqata’. U hemm biss il-Gvern ikun qed jidher li jrid ineħħi mażra m’għonqu.
//= $special ?>

