Internazzjonali

Chris Rea: Titħabbar il-mewt tal-kantant ta’ ‘Driving Home for Christmas’

Il-famuż kantant, Chris Rea, magħruf għal diversi kanzunetti ballads u fuq stil Rock, miet fl-età ta’ 74 sena – b’din l-aħbar tingħata ftit tas-sigħat ilu

Il-mewta’ Rea, wara marda qasira, hi l-aktar kommoventi għaliex fost l-akbar hits tiegħu hemm il-kanzunetta Driving Home for Christmas, li bħalissa qed tindaqq kullimkien – fid-djar tan-nies, fil-kumplessi kummerċjali u anki fuq l-ispeakers li ttellgħu fit-toroq tal-ibliet madwar l-Ewropa għal dawn il-jiem ta’ festi.

Ir-rapporti komplewli Rea miet l-isptar u li miegħu, fl-aħħar minuti, kien hemm qrabatu kollha.

Chris Rea, li twieled f’Middlesbrough, fl-Ingilterra, kien l-aktar famuż matul is-sebgħinijiet u s-snin tmenin u jibqa’ ukoll magħruf għall-kanzunetti Fool (If You Think It’s Over), Diamonds, Road to Hell u  Let’s Dance.

L-ewwel darba li l-kantant laħaq il-quċċata tal-klassifika tal-albums kien proprju bl-album in 1989 bl-isem The Road to Hell – u bl-album Auberge tal-1991 ukoll jilħaq l-ewwel post fiċ-chart tal-albums fl-Ingilterra.

Madankollu, Chris Rea kien, għadu u se jibqa’ sinonimu mal-Milied – u x-xahar ta’ Diċembru – permezz ta’ Driving Home for Christmas; il-kanzunetta li hu kien ħareġ fl-1986 u li tesprimi l-ħerqa ta’ raġel li qed jgħodd il-minuti sakemm jingħaqad ma’ familtu għaż-żmenijiet tal-festi.

Fil-fatt, il-kanzunetta Driving Home for Christmas ilha mill-2007 tfeġġ, sena wara l-oħra, fl-UK Top 40…Dan bħala xejra konsistenti kull darba li jibda l-countdown għall-Milied fir-Renju Unit.