Raġel ta’ 45 sena ġie kkundannat għal sentenza ta’ kważi tliet snin priġunerija wara li ammetta fil-Qorti li kien fil-pussess u jittraffika droga sintetika magħrufa bħala synthetic cannabis jew 5F-ABD. Johann Chetcuti tressaq quddiem il-Qorti mixli li kellu fil-pussess tiegħu u li kien jittraffika d-droga, li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, kif ukoll li huwa reċidiv.
L-Ispettur tal-Pulizija Wayne Bonello spjega li fl-20 ta’ Diċembru li għadda, il-Pulizija kienet qed tagħmel ronda fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa meta nnutat grupp ta’ persuni jagħmlu użu minn sustanzi illeċiti. Waqt l-intervent, il-Pulizija sabet lill-akkużat iġorr miegħu 11-il pakkett żgħir b’droga sintetika.
Chetcuti kkoopera immedjatament mal-Pulizija u ammetta minnufih li kien fil-pussess tad-droga. Meta tressaq il-Qorti, Chetcuti ammetta l-akkużi, iżda sostna li d-droga kienet mixtrija għall-użu personali u mhux għat-traffikar. I
l-Qorti wissietu li kien qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ traffikar. Wara din it-twissija, l-akkużat ikkonferma li kien qed jammetti l-akkużi kollha miġjuba kontrih. Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Avukat Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fakkar fl-akkużi differenti li kien qed jaffaċċja l-imputat u enfasizza li f’Ġunju li għadda Chetcuti kien diġà nstab ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Huwa żied li fi żmien inqas minn xahar, l-akkużat reġa’ tressaq fuq akkużi separati, bil-konsegwenza li l-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża beda mill-ġdid. Cini enfasizza wkoll il-periklu kbir tad-droga sintetika u rrefera għal sejbiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jindikaw li din is-sustanza hija estremament perikoluża u toħloq dipendenza qawwija.
Huwa ssuġġerixxa li l-Qorti għandha timponi sentenza ta’ sentejn u disa’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €800. Min-naħa tad-difiża, l-avukat tal-għajnuna legali Silvan Pulis enfasizza li l-klijent tiegħu kkoopera bis-sħiħ mal-Pulizija u ammetta r-reat minnufih.
Il-Qorti sabet lil Chetcuti ħati u kkundannatu għal sentenza totali ta’ sentejn u disa’ xhur ħabs, kif ukoll imponietlu multa ta’ €800. Ġie ordnat ukoll li d-droga konfiskata tiġi meqruda. Il-kawża kienet ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat tal-AG Godwin Cini bl-assistenza tal-Ispettur Wayne Bonello, filwaqt li għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Silvan Pulis.
//= $special ?>

