Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet talba tal-Avukat Ġenerali biex jiġi revokat il-ħelsien mill-arrest ta’ żewġt irġiel, wara li ddeċidiet li dawn kienu diġà ġew ikkastigati għall-istess nuqqas. Il-każ kien jikkonċerna rikors imressaq mill-AĠ, li fih il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużati kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest meta naqsu milli jattendu seduti tal-Qorti skedati għall-4 ta’ Settembru 2025 u l-24 ta’ Ottubru 2025.
Abbażi ta’ dan, l-Avukat Ġenerali talab li l-ħelsien mill-arrest tagħhom jiġi revokat, li jerġgħu jinżammu arrestati u li jitlef id-depożitu tal-bail. Madankollu, waqt is-seduta ħareġ li l-Qorti kienet diġà ħadet passi dixxiplinarji kontra l-irġiel għal dawn l-istess nuqqasijiet.
Għan-nuqqas li attendew is-seduta ta’ Settembru, kull wieħed minnhom kien ġie mmultat €200 talli wrew disprezz lejn il-Qorti, filwaqt li wara kienu mmultati €100 oħra kull wieħed għan-nuqqas ta’ attendenza fis-seduta ta’ Ottubru.
Id-difiża ppreżentat erba’ rċevuti quddiem il-Qorti biex turi li dawn il-multi kienu tħallsu kollha. Fid-digriet tagħha, il-Qorti osservat li t-talba tal-AG kienet ibbażata biss fuq dawn iż-żewġ każijiet ta’ nuqqas ta’ attendenza, li għalihom l-akkużati kienu diġà ġew ikkastigati. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha mressqa mill-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>

