Lokali

It-Tribunal għal Talbiet Żgħar jiddikjara li m’għandux ġurisdizzjoni fuq kawża ta’ €7,000

It-Tribunal għal Talbiet Żgħar Ewropej iddikjara li m’għandux il-kompetenza biex jisma’ kawża mressqa minn Matteo Zanon kontra l-kumpanija Reel Italy Limited, wara li kkonkluda li l-ammont mitlub jaqbeż il-limitu permess mil-liġi u li parti mit-talba taqa’ barra mill-ambitu tal-proċedura.

Id-deċiżjoni ngħatat fis-17 ta’ Diċembru 2025 mill-Aġġudikatur l-Avukat Graziella Tanti. Zanon kien ressaq talba quddiem it-Tribunal f’April tal-2024 skont ir-Regolament Ewropew dwar it-Talbiet Żgħar, fejn talab li l-kumpanija Reel Italy Limited tħallsu €2,500 b’rabta ma’ investigazzjoni kriminali li kienet saret kontrih mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Venezja dwar allegat użu ta’ karta ta’ ħlas ta’ terzi fuq is-sit pokerstars.it.

Huwa talab ukoll €2,500 oħra bħala danni morali u ta’ reputazzjoni, kif ukoll €2,042.77 li jirrappreżentaw kont ta’ avukat għall-ispejjeż tad-difiża f’dik il-kawża kriminali. B’kollox, it-talba kienet tammonta għal €7,042.77.

Il-kumpanija konvenuta kienet ikkontestat it-talba u qajmet eċċezzjonijiet preliminari dwar il-kompetenza tat-Tribunal, u argumentat li l-ammont mitlub jaqbeż il-limitu massimu ta’ €5,000 stabbilit mir-Regolament Ewropew u mil-liġi Maltija, u li t-talba għal danni morali u ta’ reputazzjoni ma taqax taħt il-Proċedura Ewropea għat-Talbiet Żgħar.

It-Tribunal qabel ma’ dawn l-argumenti, u rrileva li l-ispejjeż tal-avukat fil-kawża kriminali ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż marbuta direttament mal-proċedura quddiem it-Tribunal, u għalhekk kellhom jiġu inklużi fl-ammont totali mitlub. Dan wassal biex it-talba taqbeż il-limitu legali.

Barra minn hekk, it-Tribunal innota li r-Regolament Ewropew jeskludi espliċitament talbiet relatati ma’ ksur tal-privatezza, personalità jew reputazzjoni, u għalhekk it-talba għal danni morali lanqas setgħet tiġi kkunsidrata taħt din il-proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-Tribunal iddikjara li m’għandux ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi l-kawża u ma ħax aktar konjizzjoni tat-talbiet ta’ Zanon. L-ispejjeż kollha tal-proċedura ġew imposti fuq il-pretendent. Kopja tas-sentenza ġiet nnotifikata lill-partijiet skont ir-Regolament Ewropew.