Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li Hassane Soutra, Marokkin ta’ 53 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq diversi persuni f’inċident tat-traffiku.
Wieħed mill-vittmi, żagħżugħ ta’ 22 sena min-Naxxar, ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika u għadu jinsab jissielet għal ħajtu wara li ntlaqat minn Toyota Vitz misjuqa mill-imputat. Fil-Qorti ingħad li fl-aħħar sigħat saru xi interventi fuqu fl-isptar Mater Dei.
Fl-istess inċident, żagħżugħ ieħor ta’ 22 sena mill-Mellieħa u tfajla ta’ 19-il sena mir-Rabat Għawdex indarbu ħafif. Kienu ħames persuni li ndarbu f’dan l-inċident li seħħ għall-ħabta tat-3.00am. Fiż-żona kien għaddej party li għalih attendew diversi żgħażagħ, u kien eżatt wara li ntemm dan il-party li l-karozza misjuqa mill-akkużat baqgħet dieħla fin-nies.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija u ambulanza, li ħadu lill-feruti l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħataw l-attenzjoni medika meħtieġa. Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Keith Xerri qal li l-livell tal-alkoħol fl-imputat kien 105g/l, ferm ogħla mil-limitu legali ta’ 22g/l.
Il-kwiet fl-awla nkiser li meta xi ġenituri u familjari tal-vittma bdew jibku waqt it-tressiq tal-Marokkin. l-Ispettur Xerri xela’ lill-akkużat li weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident li seħħ quddiem il-Maxtura fi Triq ta’ Marsalforn. Il-vittmi huma Kurt Galea, Ayrton Vella, Dan Lautier, Roberta Abela u David Cuschieri.
Waħda mill-persuni li weġġgħet gravi kienet is-sieħba tal-imputat, li kienet fil-karozza miegħu fil-ħin tal-inċident. Soutra ġie mixli wkoll li ikkawża ħsara fuq vettura li mhix irreġistrata f’ismu, li saq b’veloċità eċċessiva, kif ukoll li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Permezz tal-avukat tiegħu Delilah Vella, huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Ispettur Xerri qal li l-Ħadd li għadda daħlet telefonata fl-Għassa tar-Rabat li kienet tirrapporta inċident serju quddiem il-Maxtura. Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn dak il-ħin kien għadu kif intemm party organizzat mill-Gozo University Group (GUG) fl-okkażjoni tal-Milied.
Huwa spjega li minkejja li bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq ta’ Marsalforn, fil-parti fejn seħħ l-inċident ma kienx hemm xogħlijiet għaddejjin. Żied jgħid li wieħed mill-vittmi jinsab f’qagħda kritika ħafna u li fl-aħħar sigħat sarulu diversi interventi mediċi.
Min-naħa tagħha, l-Avukat Vella talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha. Hija qalet li l-imputat jaħdem fil-kostruzzjoni, ilu disa’ snin jgħix f’Malta, qatt ma kellu problemi mal-Pulizija u għandu sieħba li jgħix magħha, u ppreżentat ukoll kuntratt ta’ kerha bħala prova tar-residenza tiegħu.
Madankollu, l-Ispettur Xerri rribatta li filwaqt li l-imputat għandu sieħba Malta, għandu wkoll familja oħra fil-Marokk, u għalhekk hemm riskju reali li jaħrab mill-pajjiż. Enfasizza li peress li l-Marokk huwa pajjiż terz, ikun ferm diffiċli biex jinġieb lura. Żied jgħid li għad hemm diversi xhieda li jridu jixhdu, fosthom il-vittmi, u semma xhud li rnexxielu jwaqqaf lill-imputat milli jkompli jsuq.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti ordnat li Hassane Soutra jibqa’ jinżamm arrestat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri, id-difiża mill-Avukat Delilah Vella, filwaqt li l-Avukat Francesca Zarb dehret għal waħda mill-vittmi.
//= $special ?>

