Lokali Qorti

Jiċħad akkużi ta’ traffikar ta’ kokaina f’Paceville

Raġel ta’ 51 sena, ċittadin Somalu, wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti – b’akkużi ta’ traffikar ta’ kokaina f’Paceville. Abdulaziz Abdikadir Hasan ġie mixli wkoll li kien fil-pussess ta’ kokaina f’ċirkustanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali, li wettaq ir-reat f’medda ta’ 100 metru minn stabbiliment fejn iż-żgħażagħ ta’ spiss jinġabru, kif ukoll li kien qed jgħix ħajja ta’ vagabondaġġ u bla xogħol.

L-Ispettur tal-Pulizija Alfredo Mangion spjega li l-Pulizija nnutat żewġ individwi, fosthom l-akkużat, jersqu lejn persuni differenti fit-toroq ta’ Paceville. L-imġiba tagħhom qajmet suspett li kienu qed ibigħu d-droga, u għaldaqstant sar intervent mill-Pulizija.

Wara li twaqqaf l-akkużat u saret tfittxija fuqu, il-Pulizija sabet tmien pakketti żgħar ta’ trab abjad suspettat li kien kokaina. F’dan l-istadju tal-proċeduri, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-kawża kienet ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara, bl-assistenza tal-Ispettur Alfredo Mangion, filwaqt li għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar.