Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li seraq €300 ta’ ħabib u kien involut f’car chase

Raġel ta’ 26 sena minn Santa Lucia ngħata l-ħelsien mill-arrest waqt li qed jistenna s-sentenza tiegħu, wara li ammetta li seraq €300 minn ħabib tiegħu u kien involut f’car chase. Daniel Duca tressaq il-Qorti t-Tnejn waranofsinhar, fejn l-Ispettur tal-Pulizija Sarah Kathleen Zerafa spjegat li l-inċident seħħ nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

Skont il-Prosekuzzjoni, il-vittma, Kurt Mock, kien stieden lil Duca biex joħorġu jixorbu flimkien f’każin fil-Ħamrun. F’ħin minnhom, meta Mock ħareġ il-kartiera biex iħallas, Duca allegatament ħataf €300 minn idu u ħarab minn fuq il-post.

Mock saq wara l-akkużat u pprova jwaqqfu milli jitlaq billi imblokka t-triq bil-vettura tiegħu. Madankollu, Duca saq lejn il-karozza tal-vittma, imbuttaha u ħareġ mill-parkeġġ. Il-vittma baqa’ jsegwi lill-akkużat sakemm waslu fi triq bla ħruġ, fejn it-tnejn spiċċaw jikkonfrontaw lil xulxin waqt li kienu fil-vetturi tagħhom. F’dak il-mument, Duca abbanduna l-karozza u ħarab bil-mixi.

Il-Pulizija ġabret filmati minn kameras tas-sigurtà li juru l-mument eżatt meta l-akkużat jaħtaf il-flus minn idejn il-vittma. Huwa ġie arrestat nhar il-Ħadd fir-residenza tiegħu. Duca ammetta l-akkużi li seraq €300, ikkaġuna ħsara lill-vettura mikrija tal-vittma, kiser ordni ta’ probation u saq b’mod traskurat, negliġenti u perikoluż. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u hedded lill-vittma.

L-Avukat Jason Azzopardi, li deher għall-akkużat, qal li l-klijent tiegħu għandu problema serja ta’ droga u jeħtieġ l-għajnuna. Il-Qorti laqgħet it-talba għal rapport pre-sentenzjarju. It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet aċċettata, bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax fid-dawl tal-ammissjoni tal-akkużat.

Il-Qorti ordnat depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €4,000, flimkien ma’ obbligu li jiffirma l-ktieb tal-bail tliet darbiet fil-ġimgħa, curfew u ordni temporanja ta’ superviżjoni. Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Monica Vella.