Lokali Qorti

Każ ta’ ħaddiem kontra d-Direttur tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq vittimizzazzjoni u tkeċċija mix-xogħol: – Il-Prim Awla tastjeni għax bla kompetenza biex tisma’ l-każ

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, iddeċidiet li ma għandhiex kompetenza biex tisma’ parti sostanzjali minn rikors imressaq minn Jaden Piscopo kontra d-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) u l-Avukat tal-Istat, fejn l-ilmenti kienu marbuta ma’ allegata vittimizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Il-kawża tirriżulta minn sensiela ta’ avvenimenti li bdew fl-2023, meta Piscopo, li kien impjegat full-time mal-FITA bħala Accessibility Support Assistant, ġie sospiż wara inċident li wassal għal proċeduri dixxiplinari u wkoll għal investigazzjoni tal-Pulizija. Minkejja li l-Pulizija ma ressqitx akkużi kontrih u rritornat lura apparat elettroniku li kien ġie elevat, il-Fondazzjoni xorta waħda imponietlu sanzjoni dixxiplinari u, aktar ’il quddiem, temmitlu l-impjieg.

Parallelament, Piscopo kien jaħdem part-time bħala invigilator mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. Huwa sostna li dan ix-xogħol kien sar b’permess u fuq parir mediku waqt li kien fuq sick leave fit-tul. Madanakollu, ix-xogħol part-time tiegħu ġie terminat ħesrem, u aktar ’il quddiem baqa’ ma ġiex ingaġġat mill-ġdid, minkejja li kien intalab jindika d-disponibbiltà tiegħu għal sessjonijiet tal-eżamijiet MATSEC.

Fir-rikors tiegħu, Piscopo allega li l-aġir tal-intimati kien jammonta għal vittimizzazzjoni, trattament diskriminatorju u ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll ksur tal-obbligi fiduċjarji fil-konfront tiegħu. Huwa talab, fost oħrajn, dikjarazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi, korrezzjoni jew tħassir ta’ data personali u kumpens għad-danni li qal li sofra.

Min-naħa tagħhom, l-intimati qajmu diversi eċċezzjonijiet preliminari, fosthom dik li l-Qorti Ċivili ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 28 tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, li jittratta l-vittimizzazzjoni. Huma argumentaw li tali materji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklussiva tat-Tribunal Industrijali.

Wara li eżaminat l-atti u s-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti qablet ma’ din il-pożizzjoni. L-Imħallef Depasquale osserva li l-ilment ta’ Piscopo dwar vittimizzazzjoni kien ibbażat direttament fuq l-Artikolu 28 tal-Kap 452 u mhux fuq regolamenti dwar trattament ugwali fl-impjiegi li jippermettu rikors alternattiv quddiem il-Qorti Ċivili.

Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li ma għandhiex kompetenza biex tisma’ t-tielet talba tar-rikorrent, kif ukoll il-ħames u s-sitt talbiet sa fejn dawn kienu marbuta ma’ danni li jirriżultaw minn allegat ksur ta’ dan l-artikolu.

Il-Qorti għalhekk astjeniet milli tkompli tieħu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet, ordnat li r-rikorrent iħallas l-ispejjeż relatati, iżda fl-istess ħin iddeċidiet li l-kawża għandha tkompli tiġi eżaminata fuq it-talbiet l-oħra li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 28 tal-Kap 452.