Il-Maġistrat Monica Vella kkundannat lil Julie Galdes, ta’ 38 sena minn Ħal Qormi, għal sentejn u seba’ xhur priġunerija effettiva wara li ammettiet serje ta’ reati ta’ serq imwettqa waqt li kienet għadha taħt sentenza sospiza.
Il-Qorti semgħet kif ir-reati seħħew fis-17 ta’ Ottubru 2025, bejn it-8.00 u d-9.00 ta’ filgħodu, fi Pjazza Narbona, Qormi, fejn Galdes serqet flus u/jew oġġetti b’valur li jaqbeż il-€232.94 iżda ma jeċċedix il-€2,329.37, għad-dannu ta’ Justin Valletta jew persuni oħra.
L-imputata kienet akkużata wkoll li wettqet reat punibbli b’piena ta’ priġunerija waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiza li kienet ingħatat fit-16 ta’ Mejju 2024 minn Qorti oħra, kif ukoll li rriżultat reċidiva skont il-liġi minħabba sentenzi kriminali preċedenti li kienu saru definittivi.
Fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2025, Galdes irreġistrat ammissjoni inkondizzjonata għall-akkużi kollha, li ġiet ikkonfermata kemm wara li ngħatat żmien tirrifletti kif ukoll fis-seduta tas-sentenza. Il-Qorti osservat li, għalkemm l-ammissjoni saret fi stadju bikri tal-proċeduri, dan ma jfissirx awtomatikament tnaqqis fil-piena.
Meta waslet biex tiddetermina s-sentenza, il-Qorti qieset in-natura serja tar-reati, il-fedina penali tal-imputata, il-fatt li l-oġġetti misruqa ġew ritornati lill-vittma, kif ukoll l-opportunitajiet ripetuti li kienu ngħataw lil Galdes fil-passat biex tirregola ħajjitha, opportunitajiet li – skont il-Qorti – hija naqset milli tuża.
Minbarra l-piena ta’ priġunerija, il-Qorti poġġiet lill-ħatja taħt Ordni ta’ Trattament għal perjodu ta’ tliet snin. Ma saritx ordni ta’ kumpens peress li r-rifużjoni kienet diġà saret lill-vittma. Ix-xahar li għadda Galdes kienet tressqet il-Qorti u nżammet taħt arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li serqet kartiera minn karozza pparkjata. Galdes kienet akkużata b’serq, li wettqet reat waqt li kienet taħt piena sospiża u wkoll li hi reċidiva.
Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident allegatament seħħ meta l-vittma ħalla t-tieqa tal-karozza tiegħu ftit miftuħa waqt li kien qed iħalli lil ibnu l-iskola. Fil-kartiera li nsterqet kien hemm €300 fi flus kontanti. Meta kienet tressqet fil-25 ta’ Novembru quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Galdes fil-bidu wieġbet ħatja iżda sussegwentement irtirat l-ammissjoni tagħha wara li ġiet mgħarrfa bl-impatt legali ta’ dik id-dikjarazzjoni.
Issa li ammettiet is-sentenza ġiet spjegata lilha b’mod ċar u sempliċi, inklużi l-obbligi tagħha taħt l-Ordni ta’ Trattament u l-konsegwenzi jekk tonqos milli tosservahom.
//= $special ?>

