Lokali Qorti

Mara ta’ akkużata li sawtet lill-eks sieħeb tagħha b’umbrella u kissritha fuqu

Mara ta’ 41 sena minn Bormla ġiet akkużata fil-Qorti li sawtet lill-eks sieħeb tagħha ta’ 61 sena b’umbrella, tant li kissritha waqt li kienet qed ssawwtu biha, semgħet il-Qorti. Il-mara tressqet quddiem il-Maġistrat Monica Vella mixlija li kkaġunat ġrieħi ħfief lill-vittma, beżżgħetu bil-vjolenza, hedditu u insultatu.

Hija ġiet mixlija wkoll li eżerċitat dritt fittizju, serqet mobile phone tat-tip Redmi A5, kisret il-paċi pubblika u daħlet fid-dar tar-raġel mingħajr il-permess tiegħu. Barra minn hekk, hija tinsab mixlija li f’inċident separat li seħħ f’Mejju li għadda kkaġunat ukoll ġrieħi ħfief lill-istess raġel.

Il-Qorti semgħet kif ir-relazzjoni bejn il-koppja ntemmet fit-8 ta’ Diċembru li għadda, wara li l-mara kienet, skont il-vittma, titlobu flus b’mod regolari biex tiffinanzja l-vizzju tad-droga tagħha. Skont ix-xhieda, fis-17 ta’ Diċembru r-raġel sab lill-eks sieħba tiegħu barra r-residenza tiegħu, fejn reġgħet talbitu l-flus.

Waqt argument li nqala’ bejniethom, hija akkużatu li kellu mara oħra u allegatament bdiet issawwtu, tagħtih daqqiet bil-ponn u bl-umbrella. Hija mbagħad allegatament kissret l-umbrella fuqu. Ir-raġel qal lill-Pulizija li f’tentattiv biex jipprevjeniha milli teħodlu l-affarijiet personali tiegħu, tefa’ l-kartiera u ċ-ċwievet fil-kaxxa tal-ittri tal-ġar.

Madankollu, il-mara allegatament daħħlet idejha fil-kaxxa, ħadet iċ-ċwievet u daħlet fid-dar tiegħu, fejn allegatament ikkonsmat droga, inkluż eroina u kokaina. Wara li rrapporta l-każ fl-għassa tal-Pulizija, ir-raġel mar lura d-dar u sab kxaxen mal-art u l-post imqalleb biż-żibel mxerred madwar id-dar.

Il-vittma qal ukoll lill-Pulizija li f’Mejju kien diġà seħħ inċident ieħor bejnu u l-akkuzata, u ppreżenta ċertifikat mediku separat. Skont ir-raġel, kull darba li kienu jargumentaw, il-mara kienet taqbad sikkina u thedddu biha.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Ispettur tal-Pulizija Audrey Micallef oġġezzjonat, u sostniet li l-mara ma kkooperatx mal-Pulizija u kien hemm riskju li tbagħbas il-provi. Min-naħa tiegħu, l-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar qal li l-klijenta tiegħu kellha garanti terz lest jidħol responsabbli għaliha jekk tingħata l-bail.

Il-Qorti, madankollu, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef, filwaqt li għall-akkuzata deher l-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar.