Lokali Qorti

Miksura d-drittijiet fundamentali ta’ applikant għall-ażil

Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li d-drittijiet fundamentali ta’ applikant għall-ażil ġew miksura wara li nżamm arrestat fuq il-bażi ta’ dak li ġie deskritt bħala “intelligence sigrieta” li kienet tissuġġerixxi li seta’ jagħmel suwiċidju.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, laqgħet it-talba għal rimedju wara li kkonkludiet li r-raġunijiet invokati mill-Istat biex jinżamm arrestat Ajil Al Muhsen kienu mibnija aktar fuq spekulazzjoni u interpretazzjoni milli fuq theddida reali, attwali u serja biżżejjed għas-soċjetà.

Al Muhsen kien daħal Malta b’passaport Ġermaniż falz u applika għall-protezzjoni internazzjonali f’Awwissu tal-2020. Waqt li l-applikazzjoni tiegħu kienet għadha pendenti, huwa kien akkużat b’reati relatati mat-terroriżmu, iżda f’Marzu tal-2024 ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-kawża preżenti bdiet wara li l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ċaħdet it-talba tiegħu għall-ażil f’Ottubru tal-2025. Wara li appella minn dik id-deċiżjoni, l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni ħareġ ordni ta’ detenzjoni fis-17 ta’ Novembru tal-2025, billi invoka raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ordni pubbliku u riskju li jaħrab.

Il-ġustifikazzjoni tal-Istat għall-arrest kienet ibbażata l-aktar fuq informazzjoni sigrieta ppreżentata minn ispettur tal-Pulizija. Skont il-Pulizija, Al Muhsen kien f’qagħda mentali fraġli wara li persuna oħra, involuta f’każ simili ta’ terroriżmu, ġiet ikkundannata għal għaxar snin ħabs. L-intelligence kienet tissuġġerixxi li Al Muhsen kien qal lil terza persuna li jekk jerġa’ jiffaċċja priġunerija, kien qed jaħseb li jagħmel suwiċidju.

Minn din l-istqarrija, l-awtoritajiet ikkonkludew li seta’ jkun ukoll ta’ periklu għall-pubbliku u li kien hemm riskju li jaħrab. Huma rreferew ukoll għal episodju barra awla tal-Qorti fejn, f’mument ta’ rabja, huwa allegatament għajjat li seta’ jkun fis-Sirja fi żmien sagħtejn.

L-Imħallef Mizzi kien kritiku ferm tal-mod kif l-Istat mexa f’dan il-każ. Huwa osserva li dikjarazzjoni li persuna tista’ tagħmel ħsara lilha nnifisha għandha, idealment, twassal għal superviżjoni jew kura medika u mhux għal detenzjoni ordinarja. Il-Qorti nnutat ukoll li l-awtoritajiet naqsu milli jippruvaw li Al Muhsen kellu pjan konkret biex jagħmel ħsara lil ħaddieħor jew li jaħrab minn Malta.

B’mod partikolari, il-Qorti enfasizzat li l-Istat falla milli josserva r-rekwiżiti legali li jeħtieġu li jiġu kkunsidrati miżuri inqas koerċittivi qabel ma wieħed jintbagħat arrestat. L-Imħallef irrimarka li alternattivi bħal tagging elettroniku, assistenza medika jew residenza obbligatorja lanqas biss ġew eżaminati, fatt li waħdu kien biżżejjed biex id-detenzjoni titqies illegali.

Filwaqt li rreferiet għall-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti fakkret li d-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil għandha tintuża biss bħala l-aħħar mezz u hija ġġustifikata biss jekk il-persuna tirrappreżenta theddida serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

Il-Qorti kkonkludiet li d-dritt ta’ Al Muhsen għall-libertà kien qed jinkiser sa mill-bidu tad-detenzjoni tiegħu u li, fin-nuqqas ta’ intervent ġudizzjarju, dan il-ksur kien ser ikompli mill-inqas sal-aħħar ta’ Jannar tal-2026. Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet it-talba għal rimedju interim, wara li sabet li l-Istat ma rnexxilux juri li tali miżura ma kinitx meħtieġa.