Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultura
- Eżercizzju li jinvolvi lil diversi bnedmin minn attivitajiet varji. Ħidmiet li jinġiebu f’daqqa f’moviment uman ta’ parteċipazzjoni.
Anki jekk ma naqbilx mal-kawża nnifisha, irid jingħad li wieħed irid jammira d-determinazzjoni. Jammira l-perseveranza ta’ umani li jidħlu lura f’attività mill-iktar naturali u nobbli.
Qtugħ mill-individwaliżmu lura lejn l-għarfien li aħna bnedmin li għandna bżonn ta’ xulxin. Mhux biss għal dak li qed nagħmlu imma iktar għal dak kollu li hemm bżonn biex jirnexxi.
Insellem
- F’dan insellem id-dedikazzjoni ta’ dawk li jkunu ġenerużi fil-ħin tagħhom. Dawk li inevitabbilment jinqatgħu mill-familja u mir-rutina tal-ħidma lavorattiva biex jirnexxi l-iskop li hu wieħed ċentrali li dwaru s-soċjetà timxi ’l quddiem.
Id-demokrazija hi mibnija fuq dan il-pedament sod. Hi dik li tmur kontra l-idea li mibnija fuq l-ispirtu tal-kapitaliżmu li fih kull persuna hu għal rasu u jaħdem hekk irid.
Indifferenti lejn il-bżonnijiet jew l-eżistenża tal-oħrajn. Anzi fil-ġustifikazzjoni totali li tiġi ppremjat għax qed taħdem int u l-oħrajn affari tagħhom inkella penalizzati għax mhumiex suċċess.
Kultura li ssib ħafna riċerka dwarha ibda minn Max Weber u kompli f’oħrajn li studjawh jew avversawh. Fir-realtà l-kristjaneżmu hu miftuħ. Altruwista. Mhux rgħib u jrid kondiviżjoni tal-ħajja.
Nammira
- Nammira aktar f’dawk li minkejja kull kurrent fis-soċjetà materjalista u konsumista li bnejna dawk involuti fil-volontarjat.
Dawk li daħlu tant li kważi huma miżżewġa lil diversi għaqdiet varji u li diversi drabi huma marbuta mal-kostellazzjonijiet tal-Knisja.
Imma hemm ukoll dawk sportivi, edukattivi, kulturali u politiċi. Bnedmin li bħalissa huma riċerkati, qed bħall-popolazzjoni jonqsu, imma li fil-fatt qed iħallu l-fjamma għaddejja ’l quddiem.
Jittama fil-futur waqt li jkomplu jservu fil-preżent. Dawk li s-soċjetà tagħna ma tirrikonoxxix. Anzi fil-pseudo-borgeżija ta’ wħud tipprova tiddisprezza għax huma ħidmet il-baxx.
Mentri fil-verità huma l-ġebla tax-xewka ta’ komunità li tagħraf il-bżonn ta’ xulxin u tal-ħidma flimkien. Nammirhom li anki jekk ma għandhom ebda rikonoxximent veru anqas fuq livell nazzjonali jibqgħu għaddejjin. Il-volontarjat jimmerita li jiġi koltivat skont it-termini tas-soċjetà teknoloġikament avvanzata fl-istat Ewropew li ninsabu.
Mhux għax investiment
- Hemm fil-fatt f’dan dawk li indipendentament mill-ġenerożità u l-għarfien tas-sejħa naturali tal-bniedem li jidħlu għax jaqblilhom.
Dawk li jinvestu għax jista’ jkun li jiġu fil-bżonn. Skala forsi inqas minn dak tal-pożizzjoni ġenerali u miftuħa. Hemm ukoll dawk li diġà ġarrbu u qed iwieġbu lura fir-rikonoxximent li sabu ruħhom fiha.
Miftuħa biex jagħtu lura parti speċjalment dawk li jgħaddu mill-mard serju u dak marbut ma’ operazzjonijiet barra minn xtutna.
Inkella dawk li jirċievu għajnuna biex jinxtraw mediċini li fis-servizz mediku normali m’humiex hemm possibbli. Bnedmin li fil-ġlieda tagħhom għall-ħajja jew għall-mewt tagħhom jew ta’ membri familjari oħra jsibu ruħhom fiha.
Meta titkellem u tmiss magħhom tifhem dejjem iktar kemm hu importanti li l-ġenerożità tibqa’ tigi rikonoxxuta u mħajra. Il-bżulija importanti imma daqshekk ieħor l-altruwiżmu. Stat tajjeb u organizzat mhuwiex bażat u anzi ma għandux ikun fuq l-egoiżmu u dik għandha tkun regola u lezzjoni.
Kif tagħti
- Nibqgħu f’dan fil-libertà assoluta ta’ kif għandna nimxu u nġibu ruħna mal-oħrajn fl-atti tagħna. Ċertament l-Istat ma għandux jindaħal imma għandu jippremja, ifaħħar u jirrikonoxxi lil dawk li jagħtu b’xi mod.
Fl-ideat u f’kunċetti varji żbaljati tas-separazzjoni naturali bejn l-Istat u l-Knisja hemm min jaqa’ fil-foss tan-nuqqas ta’ rikonoxximent. Kull knisja, kull kappella f’pajjiżna tara li tiġbor għall-oħrajn.
Hemm l-għarfien ta’ dawk li jinsabu l-iktar ’l isfel. Dawk li mhumiex se jaslu sal-Belt kapitali imma li għandhom fil-mistħija tagħhom il-bżonn.
Hemm livell l-aktar ’l isfel li tmiss miegħu l-Knisja fil-kunventi u l-parroċċi tagħha li ħadd ma jkun jaf. Anzi li ħafna drabi l-grad jew il-bżonn veru jkunu jafuh direttament huma.
F’dawk li jitolbu u fil-bżonn ferm ikbar li effettivament ikollhom. Bnedmin li forsi għandhom drittijiet għall-għajuniet soċjali li ma jingħatawlhomx jew ma jafux li għandhom anqas. Persuni li ssir taf fil-ħajja, fil-kantunieri varji tagħha. Kemm hawn tbatija li ma nafux biha, u kemm hemm dawk li jġorruha fis-silenzju.
Il-politika ġeneruża
- F’dan aktar wieħed jidentifika l-linja politika ta’ bnedmin fiha. Jekk hix miftuħa lejn il-ġenerożità jew le. Jekk tħarisx biex tibni s-sewwa fl-altruwiżmu jew le.
Diġà hu ċar li min qiegħed fiha jiddistingwi ruħu f’dan jekk kemm-il-darba hux iwettaqha għax jaħdem u jservi lill-oħrajn inkella lilu nnifsu.
Hemm min jimmaġina li dawk li daħlu fiha għall-ego tagħhom huma politiċi aħjar imma r-realtà turi l-kontra. Jiġu ttantati lkoll imma jaqgħu b’iktar veloċità jew pjaċir dawk tat-tieni kategorija.
Il-ġenerożità fil-bniedem u fil-politika imma tibqa’ dawl u tibqa’ tissemma. Hi dik l-element determinanti li s-soċjetà sħiħa tibqa’ grata. Fil-laqgħat varji mal-poplu nibqa’ nsib dawk li jfakkru politiċi preċedenti fil-ħidmiet ġenerużi tagħhom iktar mill-progetti kbar.
Nirringrazzja
- F’dan għalhekk irrid nirringrazzja lil dawk kollha li huma ġenerużi fis-soċjetà. Dan l-artiklu mhux biżżejjed biex nirrikonoxxi, imma xorta nħoss li għandu jinkiteb u jingħad. Il-festi tal-Milied ,ifakkruna u jmexxuna. Din il-gurnata sabiħa u reliġjuża hi fil-fatt il-ġebla tax-xewka tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.
■ F’dan aktar irrid nawgura mill-qalb il-Milied it-Tajjeb u l-Qaddis lilek Sur Editur, lill-ħaddiema tagħna kollha u lilkom il-qarrejja li ssegwu kitbieti u tħajruni nkompli.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 21 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

