Adrian Delia
Shadow Minister
tal-Finanzi
Dan huwa argument ta’ numri u ta’ ppjanar. Iżda l-Gvern għażel li jinjora dawn il-fatti u minflok, komplew jirkbu fuqu u jużawh bħala mutur falz ta’ tkabbir.
Illum, għandna ekonomija li tikber fuq il-karta, iżda tnaqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għandna tkabbir li jgħolli l-profitti ta’ ftit, filwaqt li jiddegrada l-futur tal-biċċa l-kbira.
Sakemm ma narawx il-problema bħala waħda strutturali, mhux emozzjonali, mhux ideoloġika, u mhux razzista, il-pajjiż mhux se jfejjaq ruħu.
Ebda pjan komprensiv
Il-fatt hu wieħed pajjiż daqshekk żgħir ma jistax, fi żmien għaxar snin, jilqà popolazzjoni miżjuda b’rata rekord mingħajr ma jkollu pjan komprensiv dwar infrastruttura, ekonomija, edukazzjoni, saħħa, u politika tal-proprjetà. U Malta ma kellha xejn minn dawn.
Il-Gvern jibqa’ jeżalta l-kliem tkabbir ekonomiku.
Iżda l-Malti, bil-paga f’idu u bil-kontijiet tal-kera jew tad-dar quddiemu, ma jħoss l-ebda suċċess. Hemm kuntrast li qed jikber – il-Gvern jifraħ bil-perċentwali, il-poplu jgħix il-konsegwenzi.
Aħna m’għandniex ekonomija b’saħħitha imma għandna ekonomija misthajjla, li tiddependi fuq żieda bla ħsieb fil-popolazzjoni biex tidher qisha prosperità.
Mudell ekonomiku mhux sostenibbli
Minflok politika ta’ produttività, innovazzjoni, industriji b’valur għoli, u xogħol ta’ kwalità, Malta għażlet mudell sempliċi – aktar nies, aktar konsum, aktar bini. Dan il-mudell ma joħloqx ġid sostenibbli, iżda joħloq pressjoni fuq servizzi pubbliċi u fuq il-ħajja ta’ kuljum.
Il-problema ekonomika l-iktar viżibbli minħabba l-isplużjoni fil-popolazzjoni hija l-proprjetà. B’mod dirett jew indirett, iż-żieda qawwija fin-nies wasslet biex il-prezzijiet tad-djar jiżdiedu b’rata li qatt ma rajna bħalha, il-kirjiet saru aktar għoljin mis-salarji, u n-nies qed jiġu trattati bħala munita ta’ investiment u mhux bħala familji.
Il-prezzijiet mhumiex qed jiżdiedu għax hawn il-ġid. Qed jiżdiedu għax hawn domanda artifiċjali, maħluqa mill-politika tal-Gvern. Dan mhux suq ħieles normali.
Dan huwa suq maħluq minn politika li tippreferi li tgħin lill-industrija tal-bini u tal-kera milli tgħin lill-ġenerazzjonijiet Maltin li qed jippruvaw jagħmlu familja.
Il-Gvern mhux biss naqas milli jipproteġi l-familji, iżda saħansitra ħoloq suq li jgħakkes fuqhom. Dan huwa l-oppost ta’ ġustizzja soċjali. Meta l-Partit Laburista jsejjaħ lilu nnifsu partit tal-ħaddiema, wieħed jistaqsi, il-ħaddiema ta’ min huma llum? Tal-industrija tal-proprjetà, jew dawk li jridu b’mod leġittimu jixtru darhom
X’nistennew?
Meta pajjiż jikkonfronta żieda qawwija fil-popolazzjoni, normalment wieħed jistenna:
■ investiment fil-kura tas-saħħa,
■ aktar skejjel,
■ trasport effiċjenti,
■ strateġija moderna tal-enerġija,
■ sistema tal-iskart u riċiklaġġ b’aktar kapaċità,
■ pjanijiet ta’ żvilupp urban sostenibbli.
Imma x’ġara f’Malta? Ġara eżattament l-oppost.
L-isptar spiċċa taħt emerġenza; it-traffiku laħaq livell ta’ kriżi; il-kulleġġi mimlijin aktar milli suppost; il-ħaddiema Maltin qegħdin jissostitwixxu ruħhom b’xogħol irħis; il-pagi ma jogħlewx biżżejjed filwaqt li l-ispejjeż telgħu b’mod drastiku; u l-infrastruttura ma tistax tlaħħaq mad-domanda.
Pajjiż żgħir ma jistax iġorr dan kollu mingħajr pjan. Malta, bil-politika miżmuma mill-Gvern, daħlet f’dan kollu bla direzzjoni. Din hija politika li tfittex numri, mhux soluzzjonijiet; ammont, mhux kwalità.
Il-konsegwenza li ma tantx nisħqu fuqha, iżda l-aktar perikoluża, hija soċjali. Komunità ma tinbeniex bl-ammont ta’ nies; tinbena fuq integrazzjoni, valuri, spazju pubbliku, ġustizzja, familja u għaqda. Meta pajjiż jinfexx b’densità bla qies, ikun hemm imqar erba’ telfiet:
Telf ta’ identità komunitarja
Telf ta’ spazju pubbliku ta’ kwalità
Telf tal-impenn u parteċipazzjoni ċivika
Telf tal-benesseri psikoloġiku
It-taħlit ta’ kulturi, meta jkun naturali u ppjanat, jista’ jkun pożittiv ħafna. Iżda meta jkun impost u ma jkunx akkumpanjat minn mekkaniżmi ta’ integrazzjoni, jista’ jwassal għal frammentazzjoni. U pajjiż mingħajr komunitajiet b’saħħithom, jispiċċa b’soċjetà dgħajfa, u soċjetà dgħajfa tfisser demokrazija dgħajfa.
Mistoqsija imperattiva
Il-mistoqsija llum mhijiex jekk Malta għandhiex tilqa’ nies barranin jew tagħlaq il-bieb. M’għandniex nilagħbu bi kliem li jġib firda. Dak Huwa li jrid u qed jiżra l-Labour. Il-mistoqsija hija waħda ħafna aktar fundamentali: għandniex pajjiż bi pjan jew pajjiż b’kaos imfassal?
Isplużjoni fil-popolazzjoni hija konsegwenza ta’ politika, mhux ta’ nies. Il-problema mhix in-nies li jiġu Malta jaħdmu u jgħixu; il-problema hija l-Gvern li ma ħarisx lejn il-limiti ta’ din il-blata, u bena mudell ekonomiku li jieħu mingħand il-ġenerazzjonijiet preżenti u jqiegħed futur dgħajjef aktar f’riskju.
Ekonomija ta’ kwalità tinbena fuq produttività, innovazzjoni, edukazzjoni u ġustizzja soċjali. Mhux fuq popolazzjoni bħala numru. Mhux fuq żieda bla ruħ. Malta għandha bżonn tibni mill-ġdid politika li tħares lejn il-benesseri tal-poplu, lejn il-ġid tal-persuni mhux lejn it-tabelli tal-istatistika.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 21 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

