Lokali Qorti

Paschalino Cefai jinżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex

Paschalino Cefai, ta’ 46 sena miż-Żebbuġ, Għawdex, inżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex akkużat b’diversi reati, fosthom fastidju fil-konfront ta’ mara, theddid, ksur tal-paċi pubblika u ħsara volontarja.

Cefai tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fejn ġie mixli li bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, fiż-Żebbuġ, ta fastidju lil mara u beżżagħha. Huwa ġie akkużat ukoll li fit-22 ta’ Novembru li għadda, fl-istess lokalità, ġarr miegħu mus b’xafra itwal minn tmien ċentimetri u kiser il-paċi pubblika.

Akkużi oħra jirrigwardaw inċident li allegatament seħħ fit-23 ta’ Ottubru li għadda fir-Rabat, fejn huwa allegat li kkawża ħsara f’kafetterija, hedded lis-sid tal-ħanut kif ukoll mara oħra, u reġa’ kiser il-paċi pubblika.

Barra minn hekk, Cefai ġie mixli li bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena naqas milli josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu b’deċiżjonijiet ta’ Imħallef u żewġ Maġistrati differenti.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu. Il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Xerri, filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Anthony Stellini.