Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), ippreseduta mill-Imħallef Dr Francesco Depasquale, iddeċidiet li ma għandhiex tidħol fil-mertu ta’ referenza kostituzzjonali li kienet intbagħtet quddiemha mill-Qorti tal-Appell Kriminali fil-kawża Il-Pulizija vs Erica Galea u Jason Galea.
Il-każ oriġina minn proċeduri kriminali kontra Erica u Jason Galea, diretturi tal-kumpanija Liftman Malta Ltd, li fl-2023 instabu ħatja li naqsu milli jħallsu pagi dovuti lill-impjegat tagħhom Mario Caruana, fl-ammont ta’ €3,180.37. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannathom multa ta’ €2,000 kull wieħed u ordnat il-ħlas tas-somma dovuta lill-impjegat.
Wara li appellaw mis-sentenza, quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali nqalgħat problema serja: ix-xhieda tal-ewwel Qorti ma kinux ġew irreġistrati jew traskritti. Minħabba f’hekk, id-difiża sostniet li jekk ix-xhieda jerġgħu jinstemgħu mill-ġdid, l-appellanti setgħu jiġu leżi fid-dritt tagħhom għal smigħ xieraq.
Fil-15 ta’ Marzu 2024, l-appellanti ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali b’żewġ talbiet: Dik li l-appell jitkompla mingħajr ma jerġgħu jinstemgħu x-xhieda, jew alternattivament, li ssir referenza kostituzzjonali.
Madankollu, ħamest ijiem wara, fit-20 ta’ Marzu 2024, Erica u Jason Galea irtiraw formalment it-tieni talba, jiġifieri dik dwar ir-referenza kostituzzjonali, sabiex il-Qorti tal-Appell Kriminali l-ewwel tiddeċiedi fuq it-talba prinċipali.
Minkejja dan, fit-3 ta’ Ġunju 2024, il-Qorti tal-Appell Kriminali xorta waħda ordnat referenza kostituzzjonali, billi qalet li t-talba ma kinitx prima facie frivola jew vessatorja, u bagħtet il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Wara li analizzat bir-reqqa l-atti kollha, il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li: t-talba għar-referenza kienet diġà ġiet irtirata qabel id-digriet tal-Qorti tal-Appell Kriminali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell Kriminali ma kellhiex quddiemha talba valida biex tagħmel referenza kostituzzjonali u għalhekk, l-Ordni ta’ Referenza nħarġet mingħajr bażi proċedurali valida.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li: tastjeni milli tieħu konjizzjoni tal-kwistjoni kostituzzjonali; tirritorna l-atti lill-Qorti tal-Appell Kriminali, sabiex din tiddeċiedi fuq l-ewwel talba li għadha pendenti u ma tidħolx fl-eċċezzjonijiet imqajma mill-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-ispejjeż kollha tal-proċeduri kostituzzjonali jitħallsu mir-rikorrenti, billi kienu jafu li t-talba għar-referenza kienet ġiet irtirata iżda xorta waħda ppermettew li l-proċedura tkompli.
I
//= $special ?>

