5 sigħat f’ġurnata xogħol huma biżżejjed f’dinja tax-xogħol li hija dominata mit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali.
Sostniet dan l-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb waqt podcast tal-ġurnal Times of Malta fejn saħqet li bħala employer hi komda li ħaddiema minn ċertu setturi jaħdmu 5 sigħat biss u jmorru jgawdu l-familja – la darba x-xogħol jitlesta.
Filwaqt li tkellmet dwar l-effiċjenza, hija saħqet li 25 siegħa xogħol fil-ġimgħa jkunu biżżejjed – għaliex spjegat li taf ftit nies li jahħtu aktar minn 5 sigħat ta’ xogħol tal-ogħla kwalità.
Dan minħabba raġunijiet varji, kemm minħabba l-attention span, kif ukoll minħabba l-kriżi tat-traffiku li taħli ħafna ħin mill-ġurnata.
Intant, aktar kmieni meta l-panel kien qiegħed jiddiskuti l-ħaddiema żgħażagħ, Xuereb insistiet dwar il-pressjonijiet li għandhom fid-dinja tax-xogħol fost l-oħrajn sabiex jixtru proprjetà. U għaldaqstant jaħdmu ħafna aktar biex ilaħqu mal-ħajja – fatt li qed jikkawżalhom burnout.
Din il-kwistjoni tal-Work Life Balance diġà kienet indirizzata mhux biss mill-Partit Nazzjonalista iżda anke mill-General Workers Union, fejn intqal li l-ħaddiem ma jitħallasx tal-ħin biss iżda tal-produttività li jwettaq.
L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem minn naħa tagħha qed tgħid li ma jistax ikollna sitwazzjoni ta’ one size fits all u li hemm bżonn li dan is-suġġett ikun iħares lejn l-interessi ekonomiċi kollha tal-pajjiż.
//= $special ?>
