Illum tħabbar il-finanzjament ta’ €25 miljun sabiex jinbena ċ-Ċentru Ġdid ta’ Kura Ħolistika għat-Tfal u l-Familji fil-Mosta u jkun amministrat minn Puttinu Cares. Apparti l-ispejjeż marbuta mal-bini, il-finanzjament se jkun qed jinkludi l-operat ta’ dan iċ-Ċentru għall-ewwel ħames snin.
Il-finanzjament ta’ dan il-proġett se jkun ġej mill-Istat.
Diġa’ ġie allokata art pubblika għal Puttinu Cares biex issa jinbena dan iċ-Ċentru li mhux biss huwa wieħed għall-kura iżda se jkun joffri appoġġ b’għadd ta’ servizzi fosthom dawk ta’ psikoloġija, terapija u anki dak edukattiv għat-tfal biex ikomplu bl-istudju tagħhom waqt il-kura. Iċ-Ċentru, li għalih hemm fondi wkoll mill-Fond għall-Kawżi Soċjali, se jgħin ukoll lill-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli fosthom minħabba telf ta’ ħajja.
Il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri qalet li dan il-proġett se jkun qed iservi biex fit-tbatijiet, Puttinu Cares jilqa’ u jkun hemm mal-ewwel mal-familji. “Se nimxu l-mixja f’dak iż-żmien iebes magħhom. Bħalma kien ta’ ġid enormi l-proġetti fir-Renju Unit, fejn qed inservu eluf ta’ pazjenti u familji, nemmnu li dan il-proġett, din id-darba ġewwa l-Mosta, se jtaffi ħafna mit-tbatija ta’ dawn il-familji”, qalet Angele Cuschieri. Spjegat kif il-kultura ta’ pajjiżna hija tant b’saħħitha li meta naraw lil xi ħadd għaddej minn żmien iebes, ningħaqdu u nagħmlu dak kollu possibbli biex nagħtuhom is-sapport u d-dinjità li jixirqilhom.
//= $special ?>

