Lokali Qorti

Ħabs għal żewġt irġiel li ammettew li serqu żewġ karozzi

Żewġt irġiel ġew kkundannati għal sebgħa snin u sitt xhur ħabs bejniethom wara li ammettew li serqu żewġ karozzi. Jason Mifsud, ta’ 51 sena minn Santa Venera, u Roderick Zammit, ta’ 44 sena minn Ħal Qormi ammettew li serqu vetturi minn Ħal Qormi: waħda fit-13 ta’ Novembru li għadda u l-oħra l-għada.

Il-Qorti sabihom ħatja wkoll fuq ammissjoni tagħha li fl-14 ta’ Novembru l-irġiel ppruvaw jisirqu minn ħanut f’San Ġwann, u Zammit kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lil raġel. Iż-żewġt irġiel kienu akkużati wkoll li kisru sentenzi preċedenti tal-Qorti.

Huma ammettew l-akkużi kollha quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia. Il-Maġistrat kkundannat lil Mifsud għal 42 xahar ħabs, u lil Zammit għal erba’ snin ħabs flimkien ma’ ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin.

Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin fuq Zammit għal 3 snin biex tipproteġi lill-vittma. Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputati ammettew il-ħtija kmieni iżda osservat ukoll li mhumiex persuni ġodda għall-qorti u li kellhom preċedenti kriminali.