Ekonomija Lokali

Id-dejn tal-Gvern ikompli jisplodi ‘l fuq – żbilanċ ta’ aktar minn €474 miljun sa tmiem Novembru

Sa tmiem Novembru 2025, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit taʼ €474.3 miljun.

Meta mqabblin mas-sena taʼ qabel, id-dħul rikorrenti telaʼ bi €316.1-il miljun, filwaqt li n-nefqa sħiħa żdiedet bʼ€688.0 miljun. Iż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul rikorrenti biex bʼhekk kien hemm bidla negattiva taʼ €371.8 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern.

L-akbar żieda fid-dħul ġiet mis-Sigurtà Soċjali (€131.6 miljun), filwaqt li l-Programmi u Inizjattivi (€246.3 miljun) irrappurtaw l-akbar żieda fost il-kategoriji tan-nefqa.

Sa tmiem Novembru 2025, id-Dejn kollu tal-Gvern Ċentrali kien jgħodd €11,361.9 miljun, €999.2 miljun aktar mill-istess xahar fl-2024.