Wara li aktar tard llejla l-MIDI, il-kumpanija li għandha l-emfitewsi f’idejha, stqarret li diġà kienet marret għand il-Gvern sabiex trodd lura l-Forti ta’ Tigné, wieħed jistaqsi “x’hemm wara d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru tal-lum”.
Dan qalu l-Kap tal-PN Alex Borg, illi f’post fuq il-media soċjali stqarr illi d-dikjarazzjonijiet ta’ Abela pruvaw, b’xi mod, jitfgħu din il-problema fuq amministrazzjonijiet preċedenti meta, fir-realtà, f’Jannar tal-2000 il-vot fuq Tigne kien unanimu – u dakinhar l-Oppożizzjoni Laburista vvutat favur.
Alex Borg insista li dawn id-dikjarazzjonijiet jinstemgħu foloz fid-dawl tal-fatt li l-MIDI ddikjara li diġà kien innegozja biex l-Forti jintradd lura lill-Gvern u li dawn in-negozjati sfaxxaw fix-xejn.
Il-Kap tal-PN appella lill-Prim Ministru ma jkomplix jidħaq bin-nies.
“Kif diġà sħaqt il-Gvern għandu jintervjeni skont l-obbligi kummerċjali kollha u jrodd lura dan il-wirt storiku lill-pubbliku. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu Prim Ministru sinċier, li miegħu jafu fejn huma u mhux jitkellem kif jaqbillu”.
//= $special ?>

