Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad tentattiv tal-Istat biex jevita kawża fuq kariga pubblika “abbolita” wara proċess li ħa fit-tul

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, warrbet tentattiv mill-Gvern u minn entitajiet pubbliċi ewlenin biex iwaqqfu fil-bidu nett kawża mressqa minn ċertu Michael Saliba, li qed jallega li ġie mċaħħad b’mod inġust minn kariga pubblika li kien rebaħ b’mertu sħiħ – wara proċess li dam għal snin sħaħ u li fl-aħħar mill-aħħar wassal biex il-kariga ‘tinqered għal kollox’.

F’sentenza mogħtija mill-Imħallef Giovanni M. Grixti, il-Qorti ċaħdet l-ewwel tliet eċċezzjonijiet preliminari mqajma mill-Prim Ministru, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Avukat tal-Istat. Dawn kienu qed isostnu li t-talba ta’ Saliba kienet vaga, legalment difettuża u preskritta.

Il-Qorti però ma qablitx ma’ dan l-argument. Saliba kien kklassifika l-ewwel minn disa’ kandidati fil-proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Assistant Director (Public Cleansing) fil-Ministeru għal Għawdex fl-2018, b’145 marka minn 200.

Minkejja dan, qatt ma ngħata l-ħatra. Minflok, it-tieni klassifikat fetaħ petizzjoni u kawża li wasslu għal mandat ta’ inibizzjoni li ffriża l-ħatra għal snin. Meta dak li fetaħ il-kawża waqaf juri interess, il-Qorti revokat il-mandat — iżda sa dak il-punt, il-ħsara kienet saret.

Il-Ministeru, waqt li kollox kien għadu pendenti, iddeċieda li jabbolixxi l-kariga kompletament, u b’hekk ħadd ma ngħataha. Il-konvenuti ppruvaw jargumentaw li Saliba ma kellux dritt awtomatiku għall-ħatra u li l-Qorti lanqas setgħet tisma’ t-talba tiegħu għad-danni mingħajr ma ssir kawża separata taħt l-artikolu 469A tal-liġi dwar l-atti amministrattivi. Argument ieħor kien li l-kawża kienet preskritta.

Il-Qorti, però, fissret b’mod ċar li t-talba ta’ Saliba hija mifhuma, li l-konvenuti stess fehmu x’inhu qed jallega (kif jidher mill-eċċezzjonijiet dettaljati tagħhom), u li l-formaliżmu legali ma jistax jintuża bħala tarka biex jiġi evitata eżami ġudizzjarju sostantiv.

B’messaġġ qawwi, il-Qorti fakkret li n-nullità ta’ atti ġudizzjarji għandha tintuża b’kawtela kbira, u li fejn att jista’ jiġi salvat sabiex jinstema’ l-mertu, hekk għandu jsir. Dan ifisser li l-kawża ta’ Saliba — li qed ifittex danni finanzjarji u morali fuq il-bażi li kariga rebaħha bil-mertu iżda qatt ma ngħatatlu — se tkompli tinstema’, minkejja l-isforzi tal-Istat biex jagħlaqha qabel tibda.