Lokali Qorti

Każ doganali jikkrolla fil-Qorti: Imputat lliberat fuq investigazzjoni mimlija nuqqasijiet

Każ kriminali dwar allegat serq u evażjoni ta’ dazji doganali krolla kompletament fil-Qorti, bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tillibera lil Geriwa Mohamed Samir Mohamed Gomaa wara li kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi minħabba investigazzjoni difettuża, provi nieqsa u xhieda ewlenija li bidlet il-verżjoni tagħha b’mod drammatiku.

Huwa kien qed jiġi akkużat li Talli fid-9 ta’ Mejju, 2011, bil-kompliċità l-ko-operazzjoni ta’ xi persuna jew persuni oħra, bil-ħsieb li bil-qerq jaħarbu mid-Dazji u t-Taxxa li jkun imiss jitħallas u li xjentement warrab jew irtira kontra l-Liġi mill-Cargo Import Shed tal-Air Malta, Luqa, tlett kaxxi b’181.36 kilo Shisha Flavoured Water Pipe Tobacco bla Dazju, u dan billi issostitwixxa l imsemmi tabakk bi tlett kaxxi oħra bi 300 pakkett kull kaxxa Charcoal.

It-tabakk msemmi u ċioe 181.36 kilo Shisha Flavoured Water Pipe Tobacco flimkien ma’ żewġ kaxxi oħra bi 32 Shisha Glass Water Pipes u kaxxa oħra b’203 pakkett Charcoal u ħames pakketti Flavoured Tobacco, kienu ġew importati f’Malta mill-Eġittu fit-08 ta’ Mejju, 2011 u ġew depożitati taħt lok ta’ kustodja.

Kien qed jiġi mixli wkoll li fl-istess data, post u ċirkostanzi, xjentement kellu fil-pussess ta’ dan it
tabakk u li kellu b’xi mod x’jaqsam fil-ġarr, depożitu jew ħabi ta’ dan it-tabakk jew li b’xi mod iddispona minnu.

Akkuża oħra kienet talli fl-istess data, post u ċirkostanzi, ħajjar, għen jew assista l-għemil tar
reati msemmija. Dan it-tabakk, li l-importazzjoni u l-pussess tiegħu huwa projbit u ristrett għandu valur totali ta’ €7,436.00, dazju tas-sisa dovut ta’ €4,345.39, kif ukoll dazju ta’ importazzjoni u taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li jammontaw għal €5,569.56 u €3,123.17 rispettivament, fejn liema dazji u taxxa ma ġewx imħallsa jew kawtelati.

Iż-żewġ kaxxi bit-32 Shisha Glass Water Pipes, il-kaxxa bil-203 pakkett Charcoal u l-5 pakketti Flavoured Tobacco, flimkien mat-3 kaxxi bi 300 pakkett kull kaxxa Charcoal ġew maqbuda bin-Nota ta’ Qbid Numru: 27/2013.

Il-każ kien mibni kważi għal kollox fuq ix-xhieda ta’ Joseph Tabone, impjegat fl-AirMalta, li għall-ewwel kien qal li kien involut fil-bdil ta’ kaxxi minn ġewwa l-Cargo Shed tal-ajruport u li wassal il-merkanzija lill-imputat.

Iżda fil-kontro-eżami, Tabone ċaħad kważi kollox: qal li kien aġixxa “b’mod normali”, li l-kaxxi kienu “free of duty”, u li ma kien jaf xejn dwar garaxxijiet jew kunsinni. Il-Qorti ma emmnitx din il-verżjoni u ddeskriviet ix-xhieda tiegħu bħala inkonsistenti u mhux affidabbli.

Minkejja li l-allegazzjonijiet kienu ilhom jinkaxkru sa mill-2013, il-Qorti rrimarkat li l-prosekuzzjoni naqset milli tiġbor u tippreżenta provi elementari. Id-dokumenti doganali u ta’ trasport, li fuqhom suppost kien mibni l-każ kollu, kienu mimlija diskrepanzi u qatt ma ġew ikkonfermati mill-persuni li ħarġuhom.

Aktar minn hekk, l-eżerċizzju ta’ użin tal-merkanzija sar sena u nofs wara s-sejba, mingħajr ebda prova dwar kif jew fejn il-kaxxi kienu miżmuma f’dak iż-żmien. Lanqas il-filmat tas-CCTV, li suppost kien il-pedament tal-investigazzjoni, ma salva l-każ.

Il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda prova dwar min għamel il-kopja, minn fejn ġiet elevata u jekk kienetx l-istess filmat li wassal għar-rapport tal-AirMalta. Fuq kollox, fuq il-filmat ma jidherx l-imputat iżda biss Tabone. Il-“chain of custody” kienet nieqsa għal kollox, u l-Qorti skartat l-esibit.

Nuqqas ieħor serju kien il-fatt li l-prosekuzzjoni qatt ma identifikat il-“persuna mhux magħrufa” li allegatament kienet barra l-Cargo Shed u li kienet involuta fil-bdil tal-kaxxi. Skont il-Qorti, dan ħalla spazju għal xenarji alternattivi raġonevoli li ma kinux jorbtu b’mod ċar lill-imputat mar-reati akkużati.

Il-Qorti kienet partikolarment kritika tal-fatt li lanqas l-uffiċjali ewlenin tad-Dwana, membri tal-armata, uffiċjali tal-AirMalta u l-espert tas-Scene of the Crime li kienu preżenti waqt l-ispezzjoni qatt ma xehdu. Dan wassal biex il-proċess ikun, kif qalet il-Qorti, “nieqes għal kollox minn evidenza viżiva” tal-allegat reat.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qalet li l-provi ċirkostanzjali ma kinux univoċi u li l-każ tal-prosekuzzjoni falla milli jilħaq il-livell meħtieġ ta’ prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli. B’konsegwenza ta’ dan, l-imputat ġie lliberat minn kull ħtija.

B’mossa mhux tas-soltu, il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza u x-xhieda ta’ Joseph Tabone tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi eżaminat jekk ix-xhud huwiex passibbli għal akkużi ta’ sperġur, pass li jkompli jenfasizza s-serjetà tal-kontradizzjonijiet li ħarġu fil-proċess. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini.