B’referenza għar-rapport intitolat “Report for the Provision of a Scheduled Passenger Fast Ferry Service from Marsaskala to Valletta”, ippreparat minn Grant Thornton u ppubblikat illum 23 ta’ Diċembru minn Momentum wara li dan ġie pprovdut lilhom permezz ta’ Freedom of Information Request, il-Marsaskala Residents’ Network qed toħroġ din l-istqarrija għall-istampa bħala reazzjoni għall-kontenut tar-rapport.
Ir-rapport huwa datat Settembru 2025 – data li fiha d-deċiżjoni li jiġi introdott fast ferry minn Marsaskala kienet diġà tħabbret pubblikament. Dan ir-rapport għaldaqstant ma jistax jitqies bħala studju indipendenti li jiddetermina jekk tali servizz għandux jiġi introdott minn Marsaskala, iżda pjuttost bħala dokument li ġie ppreparat wara li d-deċiżjoni politika kienet diġà ttieħdet.
Ir-rapport jippreżenta studju ta’ fattibbiltà ta’ fast ferry li jitlaq minn Marsaskala u jeskludi kompletament l-esplorazzjoni ta’ lokalitajiet oħra fin-naħa t’isfel ta’ Malta bħala punti alternattivi ta’ tluq – inklużi lokalitajiet li diġà għandhom infrastruttura adatta biex joffru dan is-servizz. F’Marsaskala, din l-infrastruttura trid tinħoloq mill-bidu, ser tinvolvi tħammil fil-bajja, u inevitabbilment se ġġib magħha impatti ambjentali negattivi, inkluż fuq speċi u habitats protetti – aspett li għal kollox jonqos milli jiġi indirizzat fir-rapport.
Barra minn hekk, l-istudju lanqas iqabbel jew jesplora dawn il-lokalitajiet alternattivi. Kieku dan sar, setgħu faċilment joħorġu riżultati li juru li jkun aktar fattibbli li r-residenti li jingħad li se jibbenefikaw minn dan is-servizz – jiġifieri residenti ta’ Marsaxlokk, Birżebbuġa u lokalitajiet qrib bħal Ħal Għaxaq – ma jitilqux minn Marsaskala. Bl-istess mod, ma sarx studju dwar kienx ikun aħjar illi fl-istess waqt isir shuttle service sal-ferry ta’ Bormla għar-residenti ta’ Marsaskala u Żabbar, li żgur kien joffri aċċess faċli u fattibbli.
Minn dan kollu jidher biċ-ċar li l-istudju ma kienx intenzjonat biex jesplora l-aħjar possibbiltajiet, iżda biex jafferma pożizzjoni diġà meħuda mill-Ministru – jiġifieri li l-fast ferry jitlaq minn Marsaskala – minkejja l-oppożizzjoni qawwija li kien qed jaffaċċja dan il-proġett min-naħa tar-residenti ta’ Marsaskala u l-Marsaskala Residents’ Network. Din l-oppożizzjoni bdiet tiġi espressa b’mod ċar sa minn April 2025, u kompliet matul is-sajf.
L-istudju lanqas jesplora kif ittieħdet id-deċiżjoni li l-ferry terminal jinbena f’nofs il-bajja ta’ Marsaskala – kalanka li ma taqbiżx il-200 metru wisa’ – eżatt minn punt fejn tispiċċa ż-żona tal-għawm u fejn ikun meħtieġ li jsir tħammil. L-ebda referenza ma ssir għad-danni ambjentali li dan it-tħammil se jikkawża. Ma ġew esplorati l-ebda possibbiltajiet alternattivi barra l-bajja ta’ Marsaskala, u lanqas ma sar studju dwar l-impatt fuq it-traffiku ġewwa Marsaskala li se jkun iġġenerat minn persuni li jiġu minn lokalitajiet oħra sabiex jużaw dan is-servizz.
Għalkemm ir-rapport isemmi t-tip ta’ vapur li se jintuża (SWATH), ma jiċċarax b’liema tip ta’ enerġija se jopera. Jingħata parir li jkun hemm “zero operational emissions”, iżda jibqa’ mhux ċar jekk dan il-vapur hux se jaħdem bl-elettriku, jew b’sistema hybrid – kelma li s’issa kienet dejjem tintuża f’diskorsi uffiċjali. Lanqas ma jiġi spjegat kemm se jintuża fuel jew enerġija f’kundizzjonijiet ta’ baħar kalm u f’kundizzjonijiet ta’ maltemp. Anke fil-każ li l-vapur ikun 100% elettriku, wieħed irid ifakkar li l-elettriku f’Malta huwa ġġenerat fil-maġġoranza tiegħu minn fuels fossili.
F’paġna 27, ir-rapport isemmi li dan il-fast ferry se jnaqqas 19,875 vjaġġ fis-sena – jiġifieri madwar 54 vjaġġ jew 27 karozza kuljum mit-toroq tagħna – ammont li huwa ċarament diżappuntanti. F’dan il-kuntest, wieħed għandu jsaqsi jekk huwiex veru li dan il-fast ferry se jwassal għal tnaqqis reali fl-emissjonijiet fil-pajjiż, kemm jekk jopera b’sistema hybrid u anke jekk ikun 100% elettriku.
L-istudju dwar id-domanda jibda billi janalizza mil-liema lokalitajiet ikun “konvenjenti” li persuni jaqbdu l-ferry minn Marsaskala, billi dan ikun l-eqreb punt ta’ tluq (fl-assenza ta’ punti oħra ġodda fil-Lvant u x-Xlokk tal-kosta). Hawnhekk jiġu identifikati residenti ta’ Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk u Ħaż-Żabbar. Madankollu, wieħed ma jistax jassumi li l-foot passengers kollha li s’issa kienu jaqsmu lejn Għawdex permezz tal-ferry miċ-Ċirkewwa se jkunu lesti jibdew jużaw il-fast ferry tal-Belt, meta l-ferry tal-Belt huwa bi ħlas, u dak taċ-Ċirkewwa huwa bla ħlas għal faxxa wiesgħa tal-popolazzjoni li huma l-anzjani.
L-istudju mbagħad jassumi li persuni minn dawn il-lokalitajiet li jaħdmu l-Belt se jagħżlu li jużaw il-ferry minn Marsaskala biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Din hija assunzjoni żbaljata. Persuna li tmur Għawdex minn Birżebbuġa għal qadja, sptar jew divertiment għandha raġunijiet u bżonnijiet differenti minn persuna li tivvjaġġa kuljum lejn il-Belt għax-xogħol. Għaldaqstant, mhuwiex realistiku li wieħed jassumi li jkun komdu jew prattiku għar-residenti – speċjalment dawk ta’ Ħal Għaxaq, Birżebbuġa u Marsaxlokk – li jużaw ferry minn Marsaskala biex jaslu l-Belt.
Dan kollu juri biċ-ċar li d-domanda għall-ferry minn Marsaskala lejn il-Belt ġiet minfuħa artifiċjalment billi ġew inklużi residenti ta’ lokalitajiet li wisq probabbli se jużaw rotot u mezzi oħra. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-iskop ewlieni ta’ dan il-fast ferry mhux biex jaqdi lill-komunitajiet lokali, iżda biex iservi skopijiet turistiċi. Dan minkejja d-diskors kontinwu dwar il-bżonn li nimmiraw lejn kwalità u mhux kwantità fit-turiżmu – fil-projezzjonijiet ta’ paġna 27 tar-rapport jidher ċar li l-mira ser tibqa’ żieda fl-ammont ta’ turisti.
Barra minn hekk, il-projezzjonijiet dwar iż-żieda fil-popolarità tas-servizz f’paġna 17 huma bbażati fuq l-esperjenza tas-servizz ta’ ġewwa l-port. Wieħed għandu jistaqsi jekk tali paragun huwiex validu, meta hawn qed nitkellmu dwar operat f’baħar miftuħ u mhux ġewwa port protett.
Fl-aħħar nett, dan ir-rapport jonqos milli jindirizza b’mod serju u responsabbli l-impatti negattivi, fosthom dawk ambjentali u soċjali tal-fast ferry minn Marsaskala – nuqqas li jdgħajjef b’mod sostanzjali l-kredibbiltà tiegħu bħala studju ta’ fattibbiltà.
//= $special ?>

