Matul is-sena li se tispiċċa fi ftit tal-jiem oħra, id-dinja tilfet numru ta’ personalitajiet u persuni li ħallew impatt fuq is-soċjetà – li sellimnielhom fix-xhur li għaddew.
Fost l-imwiet, li ċertament ħalliet impatt qawwi madwar il-globu kollu, kien hemm it-telfa tal-Papa Franġisku fil-21 ta’ April fl-età ta’ 88 sena – fejn mijiet ta’ eluf ta’ pellegrini nġabru fil-Belt tal-Vatikan sabiex jagħtuh l-aħħar tislima.
Fl-ewwel xahar tas-sena tħabbret il-mewt tad-direttur David Lynch magħruf fost oħrajn għas-serje televiżiva popolari ‘Twin Peaks’. F’Jannar ukoll, fl-età ta’ 84 sena, miet il-leġġenda tal-futbol ta’ Manchester United Dennis Law kif ukoll il-kantant ta’ The Osmonds, Wayne Osmond.
Fix-xahar ta’ Frar tħabbret il-mewt tal-attur Gene Hackman fl-età ta’ 95 sena, magħruf għal films fost oħrajn ta’ Superman u The French Connection. Id-dinja ta’ Hollywood bkiet it-telfa tal-attriċi Michelle Trachtenberg fl-età ta’ 39 sena magħrufa għall-irwoli tagħha fil-film Eurotrip, kif ukoll għas-sensiela Buffy the Vampire Slayer fl-irwol ta’ Dawn. Dan filwaqt li d-dinja tal-mużika tilfet lill-kantanta Roberta Flack magħrufa l-aktar għal kanzunetta ‘Killing Me Softly With His Song’.
Fix-xahar ta’ wara, Marzu, fl-età ta’ 76 sena, miet il-leġġenda tal-Boxing Amerikan, George Foreman, filwaqt li f’April id-dinja ta’ Hollywood tileft l-attur famuż għall-irwoli tiegħu fost oħrajn f’Top Gun u Batman Forever, Val Kilmer fl-età ta’ 65 sena.
F’Ġunju, id-dinja tal-mużika tilfet il-ko-fundatur tal-band ċelebri tas-snin sittin The Beach Boys Brian Wilson – li kiteb fost oħrajn Good Vibrations u Surfin’ USA.
Xahar wara, f’Lulju, id-dinja tar-Rock bkiet it-telfa ta’ wieħed mill-pijunieri tal-Heavy Metal u kantant tal-band Black Sabbath Ozzy Osbourne – magħruf għal diversi kanzunetti leġġendarji bħal War Pigs u Paranoid. Inċident tat-traffiku fatali ħasad il-ħajja tal-futboler ta’ Liverpool, il-Portugiż Diogo Jota fejn flimkien ma ħuħ tilef ħajtu fi Spanja fl-età ta’ 28 sena – mewta li tul ix-xhur tas-sajf dwiet mad-dinja kollha – partikolarment għal dawk li għandhom għal qalbhom il-Portugal u t-tim ta’ Anfield – mewta li seħħet 11-il jum biss wara li Jota żżewweġ.
Matul l-istess xahar, bkejna t-telfa tar-wrestler leġġendarju Terry Bollea magħruf aħjar bħala Hulk Hogan; meqjus bħala l-aktar wrestler ikoniku tal-50 sena storja tad-WWE. Dan filwaqt li d-dinja ta’ Hollywood sellmet attur ieħor matul ix-xahar ta’ Lulju, Michael Madsen – magħruf fost oħrajn għall-irwoli tiegħu Reservoir Dogs, Kill Bill u Once Upon A Time in Hollywood.
Intant, f’Lulju miet Julian McMahon fl-età ta’ 56 sena magħruf għall-irwoli tiegħu fil-film Fantastic Four, u s-serje Charmed. Dan filwaqt li miet l-atleta Felix Baumgartner wara inċident bil-parachute fl-Italja. Baumgartner kien magħruf għall-qabza rekord li għamel hekk kif kien qabeż minn tarf l-ispazju.
F’Awwissu Hollywood tilef l-attur Terence Stamp filwaqt li f’Settembru x-xena ċinematografika tilfet l-attur Robert Redford. Matul l-istess x-xahar id-dinja tal-moda bkiet wieħed mill-personalitajiet ċelebri f’dan is-settur, Georgio Armani, fl-età ta’ 91 sena.
U mewta li ċertament ħasdet id-dinja għal mod kif inqabdet mad-dinja kollha, kienet certament dik tal-attivist Charlie Kirk – żagħżugħ ta’ 31 sena li ġie assassinat waqt li kien qed jindirizza diskors f’Università Amerikana.
F’Ottubru, mietet l-attriċi Diane Keaton fl-età ta’ 79 sena. U matul l-istess xahar mietet fl-età ta 91 sena Dame Jane Goodall pijuniera fl-istudji taċ-ċimpanze tant li saħansitra nħadem film fuq l-istorja tagħha bit titlu The Mist. Attriċi oħra li tlifna matul dan ix-xahar kienet Dame Patricia Routledge, famuża għall-interpretazzjoni tagħha fis-sitcom Ingliża Keeping Up Appearances fil-parti ta’ Hyacinth Bucket.
F’Novembru, fl-età ta’ 84 sena, tilef ħajtu l-eks Viċi President Amerikan, Dick Cheney, magħruf għall-irwol li kellu fl-invażjoni Amerikana tal-Iraq fl-2003 wara l-attakki terroristiċi ta’ 9/11 li seħħew f’New York.
U tul dan ix-xahar li ninsabu fih, id-dinja ta’ Hollywood spiċċat taħt xokk wara l-mewt tad-direttur tal-films Rob Reiner. Filwaqt li issa, tlett ijiem qabel il-Milied, tħabbret il-mewt tal-kantant Chris Rea…magħruf għal kanzunetta ċelebri tiegħu, li ċertament hija familja magħna tul dan il-perjodu…Driving Home For Christmas.
//= $special ?>

