Opinjoni

Opinjoni: L-oriġinal, mhux il-kopja

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkultura

Ftit jiem ilu ktibt dwar id-differenza fil-kotba. Dik li toħroġ mill-kwantità jew le li dan ikollu. Daqqa nsejħu wieħed qasir ktejjeb imma meta jkun oħxon jew le xorta jibqa’ ktieb. Jista’ jkun li inqas ma jkollu paġni iktar tfittex li taqrah u jista’ jkun li l-kontra jaqtagħlek qalbek x’ħin taħseb kemm trid biex tasal sal-aħħar.
Imma l-verità hija dejjem li kollox jiddependi fuq kemm dawn il-kotba jkunu miktuba tajba. Pinna ċertament imma wkoll dawk li jkunu ispirati u fdati b’missjoni u viżjoni ta’ dak li jirrappreżenta fis-sustanza tiegħu.
Nammetti f’dan li l-prijorità tkun għalija diversi drabi lejn dawk li huma moderati fil-paġni tagħhom. Imma hemm diversi eċċezzjonijiet li jimmarkaw kitbiti. Dawk li nkun qiegħed inħares lejhom fit-tama li jgħaddu minn taħt idejja. Uħud iħabbtuni, fis-sens li jkunu tajbin imma jafu jitilfuli l-interess fid-dettalji tagħhom. Oħrajn ma niqafx kif naqbadhom.

Assisi
Il-Belt ta’ Assisi hija waħda li ċertament fiha s-sabiħ tagħha. Il-mod li biha ġiet imfassla… il-bini li għandha u li żied mas-sekli minn żmien ir-Rumani huma speċjali diġà. L-arja li hemm u li hija maqtugħa għal rasha fuq għolja iktar jiddistingwuha.
Imma ma kienx ikollha daqshekk pellegrini li jżuruha jekk ma kellhiex iben partikolari. Il-post fejn il-ġeografija tintilef fl-ispiritwalità storika u preżenti. Dik rikorrenti, fejn t-tiġdid huwa kontinwu fi proċess li ma jiqafx jiġbed u jsaħħaħ. Wieħed minn dawk il-postijiet fid-dinja li jibqa’ sal-lum speċjali, uniku, u kalamita umana kbira. Dan il-post huwa importanti proprju għax fih u minnu ħareġ dak li kellu jibqa’ magħruf bħala, San Franġisk. Dak li ismu kien qabel fi twelidu 1181 kien Giovanni di Pietro di Bernardone u nbidel fit-triq li għażel li jaqbad. Mexa bir-reqqa u b’imħabba wara kliem l-Evanġelu fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu li ftit jiem oħra niċċelebraw il-Festa tat-Twelid Tiegħu.

Sena Importanti
Din is-sena li deħlin għaliha hija mimlija b’valur partikolari. Niċċelebraw fiha t-tmien mitt sena mill-mewt tiegħu li seħħet fit-3 ta’ Ottubru 1226. F’dik il-ġurnata partikolari li nagħrfu l-importanza tagħha l-Italja qed tagħtiha ħafna attenzjoni. Rikorrenza sabiħa u li minnha diversi jistgħu jisiltu l-lezzjonijiet u punti ta’ riflessjoni. Punti li minnhom tista’ jekk trid taqbad direzzjonijiet sodi fil-ħajja. Dawk li kull bniedem għandu bżonn sabiex jifhem aktar dak li għaddej minnu u d-dinja ta’ madwaru. Għal min isegwi, jaf li diġà l-4 ta’ Ottubru ġiet iddikjarata festa nazzjonali u se tibda terġa’ tiġi ċelebrata mis-sena 2026. Imma tul dawn ix-xhur se jkun hemm diversi appuntamenti, wirjiet, diskussjonijiet u celebrazzjonijiet. Qed noħorġu f’ħafna mis-Sena tat-Tama issa ladarba deħlin f’dik Franġiskana.

Kotba
F’dan ġew stampati diversi kotba sabiex jaħbtu ma’ dawn il-jiem li ġejjin forsi b’taħlita ta’ opportuniżmu u venerazzjoni. Imma huma xorta miktuba tajjeb u jesponu għall-pubbliku aspetti tal-qaddis li jimmeritaw li jinxtraw u jinqraw. B’mod partikolari dak ta’ Aldo Cazzullo (1966) “Francesco. Il Primo Italiano” u dak ta’ Alessandro Barbero (1959) “San Francesco”.
It-tnejn awturi li kitbu sew u huma magħrufom sija għal pinna kif ukoll għar-riċerka u serjetà ta’ kitbiethom. Kotba li minn dak li qiegħed insegwi qegħdin jinbiegħu sew. Kotba li fil-fatt isegwu tema li diversi awturi oħra kitbu qabel.
Fil-librerija hemm tnejn partikolari ta’ Herman Hesse (1877-1962) “Francesco d’Assisi” li huwa sorpriża mill-isbaħ fil-kitba u riflessjonijiet, u ma’ dan dak ta’ Chiara Furgoni (1940-2022) akkademika u esperta fis-suġġett.

Fejn mort
Fix-xewqa li nkun naf u fl-istess ħin inġedded il-memorja ġie f’idi l-ktieb ta’ Ignacio Larranaga (1928-2013) “Brother Francis of Assisi”(1989) — wieħed li kont qiegħed naqta’ qalbi minnu għax fih erba’ mija u ħamsin paġna. Imma dan il-Kapuċċin Spanjol li għex u ħadem pastoralment f’numru ta’ pajjiżi fl-Amerika Latina kien jinsisti fuq l-importanza tat-talb — “A Profound prayer is the solution to all life’s problems. They are paths to serenity and peace which are the supreme goods of life.” (Talba mill-qalb hija s-soluzzjoni tal-problemi kollha tal-ħajja. Huma t-toroq lejn is-serenità u l-paċi li huma l-għola ġid tal-ħajja.) Bniedem li fil-fatt skoprejt fl-abblità kbira tiegħu proprju li jitrasmetti ideat u kunċetti li ma sibthom f’oħrajn.

Miktub tajjeb ħafna
Għalkemm, kif għedt, kelli naffronta volum ta’ paġni, nammetti li ma ddejjaqt xejn. Huma miktubin tant tajjeb u ssib lilek innifsek li trid tkompli taqra għaliex ebda paġna ma hija wieqfa. Kull waħda tieħdok għal oħra qisek qed taqra wieħed minn dawk il-kotba fejn irid jiġi solvut delitt. Toħloqlok għatx għal dak li qiegħed taqra tmexxik ’il quddiem. Ma hemmx biss fatti forsi “aridi” imma proċess ta’ għarbiel intelliġenti sabiex fil-mudelli varji li tressqulna, wieħed isib dak li huwa l-”veru”. L-awtur tant ħabb lil San Franġisk (u wkoll lil Santa Klara) li fih isib spjegazzjoni tal-karattru u r-raġunijiet mill-iktar sodi għala l-qaddis aġixxa kif għamel. Hemm fih riċerka kbira imma mhix dik li tħarbtek bin-notamenti li kull paġna jkollha. Fir-realtà huwa mill-isbaħ.

Tgħallimt
Nista’ ngħid li tgħallimt mill-ġdid — imma ferm iktar — dwaru bi preparazzjoni għas-sena li ġejja. Hemm dettalji li kotba oħra ma għandhomx li huma mressqa naturalment. Ma hemmx paġna li fiha tgħid hawn aħna jew din hi. Kull kelma hija parti minn proċess li fih tifhem aktar dak li kien u dak li għadu dan il-qaddis kbir. L-iktar għaliex il-ktieb, kif diġà missejt magħha, jirrappreżentah kif verament kien u għandu jkun għalina.
Kif jiġri dejjem f’dawn l-anniversarji, se nsibu kopji tal-oriġinal mas-saqajn. Se jkollna lura diversi films fejn partijiet jinqagħtu u jitressaq il-kontra jew b’differenza. Huwa jgħidilna hekk: “Nothing in the life of a man is improvised. A human being is always the son of an era and an environment.” (Xejn fil-ħajja tal-bniedem ma jseħħ mingħajr pjan. Kull persuna huwa dejjem iben iż-żminijiet u l-ambjent tiegħu) U jkompli jgħidilna f’dan li huwa qed jikteb: “If we want to dicipher the mystery of Saint Francis of Assisi, at least a few pieces.” (Jekk irridu nifhmu mill-misteru li San Franġisk d’Assisi, almenu partijiet minnu).

Mimli
Il-ktieb huwa fil-fatt dan. Ma hemmx xejn li ma huwiex minnu u li ma jifhemx minn kien u kemm fil-fatt kien iktar qaddis dan il-bniedem milli jiġi mressaq lejna. Kemm abbanduna kollox fis-sejħa vera u totali lejn il-limitazzjoni sħiħa ta’ ‘Sidna Ġesù Kristu. Passi ċari fejn dak kollu li sirna b’xi mod nafu jiġi spjegat u mressaq fil-kuntest veru. Huwa storiku mingħajr ma huwa hekk. Huwa spiritwali fl-ispjegazzjoni diretta li fih. Huwa fil-fatt il-ktieb li wieħed għandu jaqra u ma jaqtax qalbu minnu sabiex ikun jaf il-veru San Franġisk. Sabiex jimxi miegħu biex jikber u jkun strument għas-sewwa u għall-oħrajn. Tmiem mitt sena għaddew imma l-messaġġ tiegħu għadu rilevanti u għadu dak li jkompli jiġbed dawk li jridu jidħlu parti sabiex jimxu warajh… Iktar u iktar fid-dawl li jumejn oħra niċċelebraw il-Milied u niftakru li kien hu li ressqilna presepju ħaj u veru.
Mill-qalb, f’dan iż-żmien, nawgura lilek Sur Editur, il-ħaddiema tagħna u lilkom qarrejja il-Milied u l-Festi t-Tajba.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 23  ta’ Diċembru, 2025.