Lokali

Opinjoni: Rispett lejn id-diversità tal-pajjiżi

Din il-ġimgħa fil-plenarja tal-Parlament Ewropew sar dibattitu fuq proposta msejħa ‘my voice my choice’ li trid li l-Ewropa tiffinanzja l-abort fil-pajjiżi fejn dan hu illegali

Peter Agius
Ewroparlamentari
Nazzjonalista
fil-Parlament Ewropew

Dan billi l-persuni li jridu jagħmluh imorru pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Fid-diskussjoni dwar dan li saret nhar it-Tlieta 16 ta’ Diċembru tkellmu madwar erbgħin Membru Parlamentari Ewropewu jien kont fosthom fejn insistejt li l-Ewropa trid tirrispetta d-diversità tal-pajjiżi differenti li għandhom liġijiet differenti ħafna fuq l-abort u li għaldaqstant l-Ewropa hi obbligata toqgħod lura minn dan is-suġġett u tirrispetta l-kompetenza tal-pajjiżi.
Fil-vot li sar l-Erbgħa 17 ta’ Diċembru ressaqt mozzjoni alternattiva li titlob biex il-Membri Parlamentari Ewropej jivvutaw biex tieqaf l-inizjattiva ‘My Voice my Choice’ u minflok il-Parlament jiddikjara li l-abort hu ħaġa li jiddeċiedu l-istati membri u mhux l-Unjoni Ewropea.
Din il-mozzjoni alternattiva mressqa minni u appoġjataha minn 35 Membru Parlamentari Ewropew ieħor, inkluż il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, kienet ivvutata minn 241 Membru Parlamentari Ewropew favur u 356 Membru Parlamentari Ewropew kontra.
Wara dan ittieħed il-vot fuq l-inizjattiva ‘My Voice my Choice’ li fil-fatt ġabet il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej.
Jien, David Casa kif ukoll Alex Agius Saliba vvutajna kontra din l-inizjattiva filwat li, sfortunatament, il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin Daniel Attard u Thomas Bajada astjenew fiż-żewġ voti msemmija b’mod li ma ħadu l-ebda pożizzjoni.
L-inizjattiva ‘My Voice my Choice’ issa għandha maġġoranza ta’ Membri Parlamentari Ewropej favuriha u allura issa ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew qed isejjaħ biex il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-mezzi biex twettaq din l-inizjattiva permezz ta’ fondi Ewropej li jippermettu l-abort anke fil-pajjiżi fejn dan huwa illegali.
Din l-inizjattiva mistennija tkun problematika għall-Kummisjsoni Ewropea peress li l-Kummissjoni trid tiġġustifika kif tonfoq il-flus mill-Fondi Ewropej fuq oqsma li jkunu ta’ prijorità Ewropea.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 21 ta’ Diċembru, 2025.