Lokali Qorti

Tliet snin ħabs għal “il-Quws” fuq sparatura fil-viċinanzi tad-dar fejn tgħix omm uliedu

Raġel ta’ 34 sena minn Raħal Ġdid, magħruf mal-pulizija bħala “il-Quws”, intbagħat il-ħabs għal tliet snin wara li l-Qorti sabitu ħati li spara arma tan-nar fil-viċinanza tar-residenza fl-Isla fejn tgħix omm it-tfal tiegħu man-nanniet tagħha, f’inċident li seta’ faċilment spiċċa fi traġedja.

Melvin Debono kien mixli mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Audrey Micallef b’reati serji relatati ma’ sparatura li seħħet fil-11 ta’ Ottubru 2020, għall-ħabta tad-9.00pm, f’żona residenzjali.

Fil-Qorti xehdet in-nanna tal-vittma, li rrakkuntat kif rat lil Debono jiftaħ in-nar fid-direzzjoni tan-neputija tagħha, għalkemm ma setgħetx tikkonferma jekk il-projettill laqathiex jew le. Qalet li wara l-inċident in-neputija ħarbet tiġri barra, u li persuni fuq il-post qalulha li kienu semgħu ħoss ċar ta’ sparatura. Hija żiedet li għal tlett ijiem sħaħ ma ratx lin-neputija tagħha wara l-ġrajja.

Xhud ieħor kruċjali kien in-nannu tal-vittma, li wkoll ikkonferma li sema storbju qawwi, ħareġ fuq il-gallarija u ra lill-akkużat ixejjer idejh b’mod aggressiv lejn in-neputija, għalkemm lanqas hu ma seta’ jikkonferma jekk intlaqtitx.

Il-vittma stess xehdet u spjegat li wara li rritornat id-dar minn ħanut, in-nannitha avżatha li Debono kien mar ifittixha. Wara li ħalliet lit-tfal id-dar u kienet sejra lura lejn ħabiba tagħha, iltaqgħet mal-akkużat f’kundizzjoni ta’ rabja, li beda jġib ruħu b’mod intimidatorju. Hija qalet li ħarbet lejn il-knisja tal-Isla biex issalva ruħha, u kkonfermat li ma sofrietx ġrieħi fiżiċi.

Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ diversi pulizija involuti fl-investigazzjoni. Uffiċjal ikkonferma li Debono ma kellu l-ebda arma tan-nar reġistrata fuqu, fatt li żied il-gravità tal-każ.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li fuq il-post instab skartoċċ u brix evidenti mal-faċċata tar-residenza, provi li, skont il-Qorti, jindikaw b’mod ċar li l-binja ntlaqtet minn tir. Il-Qorti għalhekk ma kellhiex dubju li l-akkużat spara arma tan-nar viċin residenza abitata u li kien fil-pussess ta’ arma mingħajr liċenzja.

Meta ġiet biex tiddetermina s-sentenza, il-Maġistrat iddeskriviet il-fedina penali ta’ Debono bħala waħda inkwetanti f’għajnejn il-Qorti”, u rrimarkat kif, minkejja diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu, reġa’ u reġa’ waqa’ lura f’imġiba kriminali.

Il-Qorti enfasizzat ukoll li fil-konfront tiegħu diġà kien hemm diversi ordnijiet ta’ protezzjoni, maħsuba biex iħarsu lil terzi persuni, inkluża omm uliedu – fatt li kompla jsaħħaħ il-konklużjoni li kien hemm mudell ta’ periklu u aggressjoni.

Debono ġie kkundannat tliet snin ħabs, immultat €5,000, ordnat iħallas aktar minn €4,000 fi spejjeż tal-Qorti, u l-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-arma tan-nar relatata mal-każ.