Lokali

Att ta’ tjubija ta’ tifla Ingliża jispira ktieb għat-tfal f’Malta

Tifla ta’ 9 snin minn Blackpool fl-Ingilterra mistennija tiltaqa’ mal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin, wara li ġest tagħha ta’ tjubija serva ta’ ispirazzjoni biex ikun pubblikat ktieb tat-tfal f’Malta u li qed jgħin assoċjazzjonijiet ta’ benefiċenza fiż-żewġ pajjiżi.

Kollox beda meta Ria tat 20 pulzier ta’ xagħarha lil The Little Princess Trust, għaqda fir-Renju Unit li tipprovdi parrokki lil tfal li jitilfu xagħarhom minħabba mard.

Omm Ria, Harley Booth – Isherwood, qalet li kienet saret taf b’din l-assoċjazzjoni permezz tal-midja soċjali. Harley qalet li hi wriet lil Ria video dwar din it-Trust u hi mill-ewwel qaltilha: “Ma, jien irrid ngħin.” Minkejja li Harley qalet lil Ria li hi kienet titlef dak ix-xagħar twil tagħha darba għal dejjem, hi kienet determinata li tgħin.

Waqt li kienet għal vaganza f’Malta, iz-zija ta’ Ria, li hi hairdresser, offriet li taqtgħalha xagħarha. Ħabiba tal-familja, Patricia Bondin – għalliema u awtriċi ta’ kotba – kienet ix-xhud għal din id-donazzjoni u dawret din il-ġrajja ta’ Ria fi ktieb għat-tfal.

Il-ktieb tqassam fi skejjel Maltin biex iqajjem kuxjenza fost it-tfal u wkoll biex jinġabru fondi għall-Community Chest Fund.

Harley qalet li oriġinarjament Ria wettqet l-att tagħha ta’ tjubija biex tgħin lil The Little Princess Trust fir-Renju Unit iżda billi l-ktieb dwar l-att li għamlet hu Malti, issa qed tgħin istituzzjoniji oħra tal-karità.

Ria mistennja tiġi f’Malta f’Jannar li ġej biex tirċievi kopja tal-ktieb li issa se jkun maqlub għall-Ingliż. Il-President ta’ Malta wkoll stiednet lit-tifla biex tiltaqa’ magħha.

Id-donazzjonijiet kollha u l-profitti minn dan il-ktieb se jmorru b’risq il-Malta Community Chest Fund. Harley qalet li l-familja tagħha hi ferħana u kburija b’dak kollu li ġara. Rapport fil-Blackpool Gazette dwar din il-ġrajja temm hekk: “Minn donazzjoni ta’ xagħar, għal pubblikazzjoni ta’ ktieb u invit mill-President ta’ Malta… u dan kollu jixhed kemm att żgħir ta’ tjubija jista’ jkollu impatt dejjiemi.”