Lokali Qorti

Eks student tal-lingwa jispjega kif ġew pprokurati timbri foloz fuq il-passaport

F’din il-kawża kriminali quddiem il-Qorti Maltija, xhud magħruf bħala “AB”, eks student tal-lingwa Ngliża li kien qabeż iż-żmien tal-permess tiegħu u baqa’ Malta flimkien mal-familja tiegħu, xehed kontra l-Kolombjan Juan Andres Betancur Meneses, resident f’Sliema. Huwa spjega kif saru timbri foloz fuq passaport.

L-akkużat qed jiġi mixli b’traffikar tal-bniedem, sfruttament tal-koppja li allegatament qarraq bihom biex jaħdmu fil-guesthouse tiegħu f’Sliema, kif ukoll li rċieva passaporti ta’ terzi persuni u kiseb qligħ frawdulenti. Hu qed iwieġeb mhux ħati.

AB spjega li wasal Malta fl-2023 biex jistudja l-Ingliż għal sitt xhur u kien joqgħod f’hostel fejn iltaqa’ ma’ Betancur Meneses li kien jaħdem bħala amministratur u maż-żmien saru ħbieb. L-akkużat qallu li fetaħ hostel oħra f’San Ġwann, iżda kellu bżonn fondi biex jixtri sodod u saqqijiet u talab self ta’ €1,500 mingħandu, li kienu l-aħħar flus li kellu.

Minflok ħlas ta’ paga, l-akkużat beda jkopri l-akkomodazzjoni tiegħu, iżda AB kien jaħdem kuljum mingħajr leave u biss jieħu xi ġranet off meta kien marid. AB fetaħ qalbu wkoll dwar il-problemi tal-permess ta’ residenza u qal li l-akkużat wiegħdu li jsolvilu kollox.

Hawnhekk xehed dwar skema li sejħilha “mafia”, fejn ilu jipprova juri kif inkisbu stampi jew aħjar timbri fuq il-passaport tiegħu li juru daħla u ħruġ minn pajjiż Ewropew mingħajr ma hu qatt ivvjaġġa. Il-Qorti saħansitra ordnat li t-testimonjanza tiegħu tintbagħat lill-Pulizija minħabba l-implikazzjonijiet serji għall-fruntieri tal-UE. Meta tilef il-passaport tiegħu, allegatament anki tħejjew timbri ġodda.

Aktar tard, AB spjega kif biegħ proprjetà li kienet ġietu b’wirt biex iħallas għall-pjanijiet u biex iġib il-familja tiegħu Malta. Betancur suġġerielu li jiftħu hostel oħra flimkien u anki talab li jipperswadi lil ħuh CD jinvesti wkoll.

Għalkemm l-akkużat daħal f’kuntratt ta’ kiri għal, AB ma deher imkien fuq id-dokumenti għax kien għadu jgħix illegalment. Minkejja li, skont AB, l-akkużat ma daħħalx flus tiegħu, intuża l-qligħ biex jitħallsu d-djun tiegħu.

Il-familja ta’ AB eventwalment waslet Malta u hu u martu bdew jaħdmu fil-hostel ta’ San Ġwann, filwaqt li ħuh kien jagħmel xogħlijiet ta’ tiswija fuq il-proġett il-ġdid. Madankollu, wara ftit xhur il-kiri ttermina u l-proġett sfaxxa.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-hostel ta’ San Ġwann kien qed jilqa’ ħafna iktar nies minn kemm kien permess, xi kultant sa 20 jew 30 persuna minflok tmienja, u kellhom saħansitra jirrifondu klijenti biex jevitaw problemi mal-awtoritajiet.

Il-post eventwalment ingħalaq minħabba ilmenti tan-nies tal-madwar, u kien hemm ukoll inċident fejn l-għarusa tal-akkużat allegatament kissret karozza b’martell wara tilwima. Wara dan waslu l-Pulizija, l-Immigrazzjoni u l-MTA.

AB qal li hu u ħuh taw aktar minn €60,000 lill-akkużat, iżda kumpanija qatt ma twaqqfet. Meta l-Qorti staqsiet kif investa tant flus u spiċċa xorta qiegħed jaqdi rwol ta’ cleaner, hu ammetta b’umiljazzjoni li ħassu “iblah”, iżda qal li għamel dak kollu għall-familja tiegħu u l-futur tagħhom.

L-aħħar problema kienet meta seħħ inċident fejn martu kienet umiljata quddiem il-klijenti u anki t-tifel tagħhom kien involut f’sitwazzjoni inkwetanti. Meta l-familja finalment irnexxielha titlaq mill-hostel, spiċċaw bla saqaf fuq rashom għal xi żmien.

Il-każ għadu għaddej. Il-proċeduri qegħdin jitmexxew quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. L-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Michael Muscat u Charmaine Abdilla qed imexxu l-prosekuzzjoni assistiti mill-Ispettur John Spiteri, filwaqt li l-akkużat qed jingħata għajnuna legali mill-avukat Nadya Fiott.