“Meta tisma’ lin-nies b’umiltà tirrealizza kemm aktar x’jgħaqqadna milli jifridna. U l-poplu Malti u Għawdxi għandu aspirazzjonijiet u xewqa ta’ nazzjon wieħed taħt il-bajda u l-ħamra”
Kien dan il-messaġġ ta’ awguri li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg lill-poplu Malti u Għawdxi fejn f’dawn iż-żmien ta’ festi, huwa wiegħed illi se jkompli jibni tmexxija msejsa fuq valur wieħed – ir-rispett.
Fil-messaġġ tal-awguri tiegħu, Alex Borg spjega illi pajjiżna ma jiflaħx għall-firda imma jeħtieġ għaqda u sens ta’ direzzjoni. Fejn spjega illi huwa jemmen li l-politika għandha tkun dwar soluzzjonijiet, servizzi li jaħdmu u kwalità ta’ ħajja tajba li tinħass.
Alex Borg spjega wkoll illi l-Milied mhux biss ċelebrazzjoni imma anke mument ta’ riflessjoni fuq fejn għandna mmorru bħala pajjiż, bħala poplu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll illi l-valur tal-persuna hija d-dinjità tal-familja u l-obbligu li għandna li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura. U bħalma wiegħed fid-diskors tal-ħatra tiegħu, Alex Borg jemmen li għandna nitkellmu mhux fuq min rebaħ jew min tilef, imma fuq Malta waħda, li hija d-dar għalina wkoll.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll, f’dawk kollha li huma minsija, li huma parti mill-poplu tagħna. Dan hekk kif, fi kliemu, l-Milied ifakkarna li d-dawl ma tarahx biss fit-toroq imma anke fil-ġesti żgħar ta’ għajnuna ma’ dawk li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi jinsabu waħedhom.
Alex Borg temm billi awgura l-Milied ħieni u mimli paċi u tama lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

