Lokali

Il-Kap tal-PN jagħmel żjara f’lukanda fil-Furjana u jara l-aħħar preparamenti għall-Milied

“Huwa importanti li nżommu kuntatt kontinwu man-negozji sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jħoss il-polz tal-poplu u jindirizza l-bżonnijiet tiegħu.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel f’lukanda ewlenija fil-Furjana f’lejliet il-Milied fejn ra l-aħħar preparamenti li qed isiru mill-ħaddiema f’perjodu ferm impenjattiv għall-industrija tal-catering.

Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg intaqa’ mal-ħaddiema u d-diriġenti tal-lukanda li lkoll spjegawlu kif bħalissa x-xogħol ikun għaddej bla waqfien bil-għan li n-nies jingħataw l-aħjar servizz possibli.

Spjegaw ukoll li minkejja li f’dawn il-jiem ta’ festi jkunu xogħol u ‘il bogħod mill-familji tagħhom; xogħolhom jagħtihom sodisfazzjon kbir. Matul iż-żjara Alex Borg żar ukoll il-kċina fejn ra mill-qrib l-aħħar preparamenti li għaddejjin għall-Milied.

Net News tkellem ukoll ma’ Daniel Mamo li huwa l-Operations Manager ta’ din il-lukanda u spjegalna kif il-ħidma għall-festi tal-Milied tibda minn sitt xhur qabel bil-għan li kollox imur sew.

Intant, għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn Sarah.