F’dan il-lejl qaddis tal-Milied aħna niċċelebraw it-twelid ta’ tarbija. L-għajnejn tal-fidi jgħalmuna li din it-tarbija mhi ħadd ħlief Alla magħmul bniedem. L-imħabba t’Alla ssawret fil-ġuf ta’ mara, ta’ xebba, Marija ta’ Nazaret u llum qegħdin infakkru t-twelid ta’ din t-tarbija. Alla kellem lill-poplu tiegħu diversi drabi, jgħidilna l-awtur tal-ittra lil-Lhud, b’ħafna modi. Imma mbagħad fil-milja taż-żminijiet bagħat lil Ibnu (Lhud1:1-2).
Din it-tagħlima hija importanti ħafna fiż-żminijiet tal-lum. Alla biex jikkomunika l-imħabba kollha tiegħu biex jifdina, bagħat lil Ibnu, magħmul bniedem. Ismu huwa Għimmanu-El – ‘Alla magħna’ (Mt 1:23). Il-preżenza t’Alla hija preżenza li stajna narawha u nħossuha. Stajna nħarsu lejn tarbija. Rajnieh jikber fostna. Ta’ 33 sena, issallab għalina fuq is-salib u qam, irxoxta, mill-imwiet. Ġesù huwa s-Salvatur tagħna. Illum nifirħu bit-twelid tiegħu. Xtaqt naqsam ftit riflessjonijiet f’din is-sena li fiha se ntemmu l-Ġublew tat-Tama fuq l-użu li nagħmlu tas-social media.
Jekk aħna naraw ir-rakkont tal-Milied u nifhmu li Alla biex ikellimna sar bniedem, napprezzaw kemm hi importanti u għażiża l-preżenza tagħna għal xulxin. Bis-social media qed inwasslu wkoll il-kelma tiegħi għandkom. Nirringrazzja lil kull min qed jaħdem f’dan il-qasam biex id-dinja b’xi mod iqarribha lejn xulxin. Imma hemm ukoll il-perikli li aħna ninfatmu mill-preżenza ta’ xulxin medhijin wisq b’dinja diġitali u virtwali.
L-appell tiegħi f’dan il-Milied huwa li aħna u nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlehem nitgħallmu li l-preżenza personali, fiżika, ta’ għożża u mħabba għal xulxin, hija prezzjuża. L-ebda mezz soċjali ma jista’ jissostitwixxi dak il-kuntatt personali. U allura jekk inħarsu lejn l-użu tas-social media fuq livell personali tajjeb, li f’dan il-Milied nagħtu rigal sabiħ lil xulxin; lilna nfusna l-ewwel nett billi niddedikaw ftit ħin fil-kalma, fis-silenzju, ta’ riflessjoni, quddiem presepju, quddiem xbieha ta’ Ġesù Bambin, miftumin minn tant solleċitazzjonijiet, minn tant stediniet, minn tant messaġġi li kultant jeħdulna wkoll il-qawwa ta’ ruħna u l-paċi ta’ qalbna.
Kemm familji meta jiltaqgħu, jekk jiltaqgħu, madwar il-mejda tal-ikel ikunu miftumin mill-preżenza minn xulxin għax mehdijin kontinwament fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Kultant tmur f’post ta’ divertiment jew f’xi restorant u tara lil kulħadd medhi fuq l-ismartphone tiegħu. Donnu l-fatt li aħna qegħdin niltaqgħu bejnietna mhux biżżejjed biex iferraħna u jagħtina l-paċi. Il-laqgħa tagħna saret iżjed virtwali u diġitali. Hekk ukoll fis-soċjetà tagħna.
Kemm-il-darba aħna nużaw kliem iebes għal xulxin għax protetti mill-anonimat, mingħalina, tas-social media. Mentri jekk ikollna niltaqgħu personali ma’ dak li jkun, forsi il-kelma tiegħi tkun differenti; il-ħarsa ta’ għajnejja fl-għajnejn ta’ persuna oħra tkun differenti. Kemm hija ħaġa importanti li aħna ma ninfatmux minn dawn il-mezzi umani ta’ komunikazzjoni. Li aħna nużaw dak kollu li x-xjenza u t-teknika tagħtina biex niffaċilitaw u nikkomunikaw ma’ xulxin, imma ma ninsewx li l-preżenza fiżika ma’ xulxin, l-għożża ta’ bejnietna, huma valuri umani indispensabbli għal kwalità ta’ ħajja tajba.
U allura dan il-Milied importanti li, kull min jista’, inkunu preżenti għal xulxin. Veru li min hu ’l bogħod ser ikollu bżonn tal-mezzi soċjali biex jasal u jagħti messaġġ ta’ tama u mħabba lill-għeżież tagħhom. Din hija ħaġa tajba u qaddisa. Niftakar fl-emigranti tagħna. Niftakru f’dawk li huma mbegħdin. Niftakru f’dawk li qegħdin fl-isptarijiet jew inkella fil-ħabs u ma jistgħux forsi jikkomunikaw mal-għeżież tagħhom.
Il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali f’dan il-qasam huma essenzjali. Ħames snin ilu meta għaddejna mill-pandemija tal-COVID, aħna apprezzajna ħafna li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għenuna ma niżolawx ruħna totalment avolja l-iżolament personali kien parti mir-regolamenti tas-saħħa.
Imma llum, li forsi wara l-COVID għadna wisq marbutin ma’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li minflok iressquna lejn xulxin, ibegħduna minn xulxin, hemm bżonn li nieqfu nagħmlu mument ta’ riflessjoni. Qegħdin wkoll fl-għatba t’era ġdida fejn l-intelliġenza artifiċjali, l-AI, ser tieħu s-sopravvent fejn dak li mingħalina huwa veru ma jkun veru xejn.
It-tarbija li twieldet bħal-lum u li qed niċċelebraw it-twelid tagħha qalet, “Il-verità tagħmilkom ħielsa” (Ġw 8:32). Jiena nawgura li aħna nkunu tassew devoti u nkunu tassew mħeġġin biex infittxu l-verità, li mhux kulma naraw, kulma nisimgħu jista’ jkun veru, jista’ jkun ukoll li jkun falz, u allura minflok jagħtina sens ta’ ħelsien iwaddabna fi skjavitù terribbli. Jiena nappella wkoll li l-użu li nagħmlu tas-social media jkun użu ta’ karità, ta’ mħabba, ta’ għożża għal xulxin. Ejjew innaddfu lil qalbna minn dak kollu li jtappan ix-xbieha sabiħa ta’ min tassew jixtieq ikun preżenti għal xulxin.
Jiena nappella wkoll biex dan il-Milied l-ikbar rigal li nistgħu nagħtu jkun il-preżenza tagħna, l-għożża tagħna għal xulxin. Kemm tkun ħaġa sabiħa, jekk jista’ jkun, li meta niltaqgħu flimkien f’dan il-Milied ninsew ftit l-għodod, li suppost qed iressquna flimkien imma qed ibegħduna minn xulxin, biex ingawdu l-preżenza ta’ xulxin.
Jiena nawgura mill-qalb lil kull min qed jismagħna, il-Milied hieni f’riġlejn Ġesù tarbija. Ħafna drabi n-nies jgħiduli, “Jiena smajtha l-quddiesa, Father. Rajtha fuq it-televixin jew fuq il-mezzi tax-xandir u ta’ komunikazzjoni soċjali.”
Għal min ma jistax jiġi l-knisja u jitqarben, hija ħaġa qaddisa li wieħed isegwi dak li jkun qed jixxandar. Imma jiena nistedinkom li dawn il-ġranet tal-Milied nagħmlu l-isforz tagħna biex nersqu lejn id-dar t’Alla, nisimgħu l-Kelma t’Alla, nitqarbnu. Min għandu bżonn ukoll nersqu lejn is-sagrament tal-qrar. Ġesù meta ried iwassal il-paċi u s-salvazzjoni tiegħu ma bagħatilniex messaġġi. Ħoloq sistema ta’ laqgħat bejnietna – ngħidulhom is-sagramenti, fejn aħna nkunu preżenti għal xulxin bis-sinjali tal-Ewkaristija, tal-ikel u x-xorb, il-ġisem u d-demm qaddis tiegħu; il-qrar – is-saċerdot li jbierkek u jgħidlek, “Jiena naħfirlek dnubietek”. Huma kuntatti personali li jifduna u jwassluna għas-salvazzjoni.
F’dan il-lejl qaddis ejjew nitolbu li aħna qatt ma ninsew is-sejħa tagħna li nkunu preżenti għal xulxin waqt li niftakru li l-isem sabiħ ta’ din it-tarbija li qiegħda titwieled u li qed niċċelebraw il-festa tat-twelid tagħha llum, huwa Għimmanu-El, ‘Alla magħna’, preżenza sabiħa li tagħtina paċi, kuraġġ u hena.
Bil-qalb nagħtikom il-barka pastorali tiegħi u nawguralkom mill-qalb il-Milied it-tajjeb u sena ġdida mimlija risq u barka.
//= $special ?>

