Fir-raħal pittoresk tal-Imġarr, saret il-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin fejn it-toroq kienu ddominati minn atmosfera mill-isbaħ – b’numru ta’ tfal żgħar ikantaw għanjiet popolari tal-Milied bħal Ninni la tibkix iżjed u Qed jinfirex mal-widien.
Matul dawn il-jiem festivi ta’ żmien il-Milied, bosta familji jattendu għal din il-purċissjoni li ssir f’diversi ibliet u rħula.
Magħrufa bħala d-dimostrazzjoni tal-Milied, ta’ kull sena din il-purċissjoni tattira lejha mijiet ta’ devoti.
U fl-Imġarr numru kbir ta’ tfal u żgħażagħ refgħu ix-xbieha tal-Bambin fil-maxtura akkumpanjati minn fanali mdawwlin.
L-ewwel purċissjoni bil-Bambin kienet saret fl-1921 fil-Ħamrun, u nibtet minn xewqa li kellu San Ġorġ Preca li jiċċelebra l-Milied b’xi ħaġa speċjali biex kulħadd jifraħ fil-jum tat-twelid ta’ Ġesù tarbija.
F’kumment li ta lil Net News, l-Arċipriet tal-Imġarr Fr. Sean Abela, tenna li din il-purċissjoni hi tradizzjoni sabiħa li tfakkarna f’dak li se niċċelebraw il-Ħamis – lil Ġesu tarbija fil-ħajja tagħna.
Illum, 104 snin wara, din it-tradizzjoni għadha ħajja sew kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. U hija okkażjoni li jfittxuha kemm tfal u anke adulti.
//= $special ?>

