Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ikkonfermat mandat ta’ inibizzjoni kontra ż-żewġ kumpaniji KEG Limited u Sting Investment Limited, wara rikors ta’ John Paul u Marylou Zarb, li qed jitolbu li jiġu ssalvagwardjati pretensjonijiet finanzjarji li jilħqu €185,650 b’riżerva għal somma ogħla.
Ir-rikorrenti kienu taw fond fi Triq il-Qiegħed, Għargħur lill-kumpaniji sabiex dan jiġi demolit u minfloku jinbnew appartamenti ġodda, bil-ftehim li huma jżommu xi unitajiet speċifiċi. Madankollu, huma qed jallegaw li x-xogħlijiet saru b’negligenza u traskuraġni, li kkawżaw ħsarat u spejjeż sabiex jiġu rranġati, kif ukoll penali li skont il-kalkolu tagħhom ilaħħqu madwar €153,000, flimkien ma’ €32,650 f’danni oħra.
Min-naħa tagħhom, il-kumpaniji akkużati sostnew li m’hemm l-ebda periklu immedjat li l-proprjetà tiġi mibjugħa jew mgħobbija b’piżijiet, u li t-talba hija eċċessiva, filwaqt li qajmu kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-penali fil-kuntratt.
Iżda l-Qorti osservat li l-proprjetajiet involuti huma l-unika garanzija effettiva għall-pretensjonijiet tar-rikorrenti, u li fuq bażi prima facie jeżistu kwistjonijiet legali serji dwar jekk ġewx onorati l-obbligi kuntrattwali. Għalhekk il-Qorti kkonkludiet li hemm lok li l-proprjetà tibqa’ protetta u mhux aljenata jew mgħobbija, u kkonfermat id-digriet proviżorju tal-11 ta’ Novembru 2025.
Il-mandat jaffettwa b’mod partikolari żewġ appartamenti, spazju ta’ garaxx u spazju ta’ stivar fil-Blokka 17 f’Triq il-Qiegħed, Għargħur. L-ispejjeż ġew riżervati għall-ġudizzju finali tal-kawża.
//= $special ?>

