Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li taxxa dovuta lill-awtoritajiet Ċeki tinġabar minn kumpanija Maltija – Digisec Media ddikjarata kontumaċi

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale, ordnat li dokument uffiċjali maħruġ mill-awtoritajiet tat-taxxa fiċ-Ċekja jiġi rreġistrat bħala titolu eżekuttiv f’Malta, sabiex tinġabar mingħand Digisec Media Limited somma ta’ €1,560.09 f’VAT dovut, flimkien ma’ imgħaxijiet skont il-liġijiet Maltin.

Il-Kummissarju tat-Taxxi Malti aġixxa fuq talba uffiċjali mill-awtorità kompetenti Ċeka taħt id-Direttiva 2010/24/UE, li tippermetti kooperazzjoni bejn stati membri tal-UE għall-irkupru ta’ taxxi dovuti f’pajjiżi oħra. Il-Qorti qalet li l-proċedura kollha kienet osservata skont ir-regoli, u li d-dokumenti kienu notifikati kif suppost.

Minkejja li l-kumpanija ġiet debitament notifikata permezz ta’ affissjoni u pubblikazzjoni f’ħafna indirizzi u gazzetti, Digisec Media Limited ma dehritx quddiem il-Qorti u għalhekk ġiet iddikjarata kontumaċi (meta parti tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha).

Wara li l-Kummissarju tat-Taxxi ddikjara li ma kellux iktar provi x’jippreżenta, il-Qorti ddeċidiet li tagħti l-ordni sabiex id-dokument Ċek jinbidel fi titolu eżekuttiv f’Malta, jiġifieri dokument li jista’ jintuża biex l-Istat jiġbor il-flus bil-forza jekk ikun hemm bżonn. L-ispejjeż tal-kawża ġew imposti fuq il-kumpanija intimata.