Iż-żewġ tewmin Adam u Zack Mifsud u Max Caruana u Alexia Vella, huma erbat itfal minn bosta, li se jkunu qed iwasslu l-Prietka tal-Milied f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl – waħda mill-eqdem tradizzjonijiet li tmur lura għas-seklu 19.
Din il-ġimgħa, Net News żar il-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, fejn seta’ jsegwi lil dawn it-tfal waqt il-provi tagħhom għal din il-prietka. U staqsejnihom kif qed iħossuhom li se jipparteċipaw fil-prietka għall-ewwel darba u kemm ilhom jippreparaw għaliha.
It-tewmin ser ikunu qed jagħmlu l-prietka għall-quddies ta’ nofsillejl kif ukoll waqt attivita organizzata għall-anzjani tal-parroċċa, nhar it-Tnejn, filwaqt li t-tifel u t-tifla se jagħmlu l-prietka matul il-quddies li se ssir fil-ħdax ta’ filgħodu propju f’jum il-Milied kif ukoll waqt il-quddies li se ssir f’jum l-ewwel tas-sena fid-Dar tal-Providenza mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna – bħala parti mill-ftuħ tal-Maratona b’risq l-istess Dar.
Ruth Farrell ilha tikteb il-prietki għal 17-il sena u bdiet taħdem fuq din il-prietka fi tmiem is-sajf li għadda. Hija tatna spjegazzjoni dwar it-tema ta’ din is-sena, li hija ċċentrata fuq is-silenzju meħud minn żewġ aspetti.
L-arċipriet, Fr. Josef Mifsud, spjegalna l-proċess ta’ kif il-parroċċa tas-Siġġiewi tagħżel it-tfal sabiex jagħmlu l-prietka tal-Milied.
L-arċipriet qalilna li l-parroċċa tipprova tagħżel aktar minn tifel wieħed jew tifla waħda biex din l-opportunita sabiħa tingħata lil iżjed tfal. Dan sabiex jibqgħu jiftakru l-memorja ta’ meta darba f’ħajjithom qasmu l-aħbar sabiħa tal-Milied mal-komunità li tinġabar biex tiċċelebra din il-festa tant għażiża għalina l-insara.
//= $special ?>

