“Il-Kunsill ma kienx infurmat u wisq anqas approva li ssir din l-istruttura”.
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-kunsillier Nazzjonalista f’Wied il-Għajn, John Baptist Camilleri permezz ta’ post fuq facebook. Fejn spjega li kienu numru ta’ residenti li spjegaw li struttura li ttellgħet barra ħanut f’Wied il-Għajn kienet qed timblokka bankina.
Dan filwaqt li saru allegazzjonijiet li qed tindaqq mużika storbjuża ġurnata sħiħa.
Il-ħanut li jinsab fi Triq il-Qaliet, għamel platform u anke tinda fil-21 ta’ Diċembru sabiex ikun jista’ jqassam inbid u ikel għal żmien il-festi. Deċiżjoni li qajjmet kritika bejn ir-residenti ta’ Wied il-Għajn.
Kien għalhekk li John Baptist Camilleri spjega li l-kunsill ma kienx jaf li se tkun qed issir din l-istruttura u wisq anqas approvaha. Filwaqt li hu fehem mal-ġest ta’ sid il-ħanut, li jqassam l-ikel u anke l-inbid lir-residenti, huwa spjega li ma jaqbilx mal-instalazzjoni ta’ din l-istruttura.
Camilleri spjega li huma diversi r-raġunijiet għalfejn ma jaqbilx. fosthom anke li l-post fejn qegħdha huwa perikoluż anke għas-sewwieqa.
Huwa propju għalhekk li din l-istruttura se tkun qed titneħħa.
Madanakollu, s-Sindku Laburista Mario Camilleri spjega li sid il-ħanut kien saqsa sabiex jagħmel din l-istruttura mill-21 ta’ Diċembru sa lejliet il-Milied, iżda l-kundizzjonijiet li kienu diskussi ma nżammux.
Minn naħa tiegħu, il-Kunsillier Nazzjonalista Errol Cutajar ikkonferma li l-kunsill qatt ma ddiskuta din l-istruttura u spjega wkoll li minn kliem is-Sindku huwa ċar, illi ma nżammitx proċedura kif suppost.
Intant, ir-residenti ta’ Wied il-Għajn spjegaw li din mhux l-ewwel darba li s-Sindku Laburista poġġa fuq quddiem interessi kummerċjali għad-detriment tal-benesseri tar-residenti.
//= $special ?>

