Lokali Qorti

Kumpens ta’ €62,600 lil mara li sofriet snin ta’ stennija qabel ma l-każ tagħha ġie deċiż

Il-Qorti Kostituzzjonali f’deċiżjoni li tagħat daqqet allarm serju dwar il-mod kif il-proċeduri ġudizzjarji f’Malta jistgħu jdumu bla raġuni, hekk kif ikkundannat lill-Avukat tal-Istat biex iħallas kumpens ta’ €62,600 lil mara li sofriet snin ta’ stennija qabel ma l-każ tagħha ġie deċiż.

Il-Qorti semgħet dan il-każ serju fejn in-Nutar Rachelle Farrugia Buhagiar qed takkuża lill-Istat Malti li kisrilha d-drittijiet fundamentali tagħha minħabba dewmien esaġerat fil-proċeduri ġudizzjarji li damu aktar minn 11-il sena u seba’ xhur biex jaslu sa tmiemhom.

Fil-każ “Joseph Mamo vs Nutar Rachelle Farrugia Buhagiar LL.D”, li ilu għaddej mill-2009, il-Qorti osservat kif id-dewmien kbir kien mhux biss inaċċettabbli iżda kiser b’mod dirett id-dritt fundamentali tal-attriċi għal smigħ f’ħin raġonevoli, kif protett mill-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Il-każ beda’ fl-2009 meta Joseph Mamo fetaħ kawża ċivili kontra n-Nutar, akkużaha bi negliġenza u talab danni. Wara proċess twil u kumpless li dam madwar sitt snin u erba’ xhur fil-Prim’ Awla, fl-2016 il-Qorti kkundannat lill-Nutar tħallas €186,349.87 flimkien ma’ imgħax mill-2009.

Imbagħad bdiet parti oħra skandaluża tal-istorja: minkejja li l-appell ġie ppreżentat f’Frar 2016, dan ma tpoġġiex għal smigħ qabel Frar 2021, jiġifieri aktar minn ħames snin ta’ stennija bla ġustifikazzjoni, b’parti mill-problema attribwita għal nuqqas ta’ dokumenti fl-atti tal-Qorti.

L-appell infetaħ, instema’ u ġie deċiż fi żmien biss ftit xhur — iżda sal-aħħar il-Qorti tal-Appell xorta kkonfermat is-sentenza kontra tagħha.

Il-Qorti, wara li rat ix-xhieda u s-sottomissjonijiet tal-partijiet, ikkonkludiet li mill-15 ta’ Frar tal-2017 sal-28 t’April tal-2021, jiġifieri perjodu ta’ 1,534 jum, kien hemm dewmien “irraġonevoli u mhux ġustifikat”. B’formola li ħadet inkonsiderazzjoni r-rata ta’ 8% fuq is-somma involuta fil-kawża, il-Qorti kkonvertiet dan id-dewmien f’ammont monetarju sostanzjali li llum kellu jitħallas mill-Istat bħala kumpens għall-ħsara li saret.

Din is-sentenza mhux biss tirrikonoxxi l-uġigħ u l-frustrazzjoni ta’ persuna li għal snin twal baqgħet tistenna ġustizzja, imma tgħolli wkoll mira serja lejn sistema li spiss titkellem dwar riforma iżda li fil-prattika tibqa’ tħalli ċittadini priġunieri tal-burokrazija u tad-dgħufijiet amministrattivi tagħha.

Il-konsegwenza? Skont ir-rikorrenti, mhux biss sofriet danni finanzjarji, iżda wkoll imgħaxijiet addizzjonali li waħedhom jammontaw għal aktar minn €75,000, li hija tgħid li huma direttament riżultat tad-dewmien amministrattiv tal-Qrati u mhux tort tagħha.

L-Avukat tal-Istat ikkontesta l-każ, u sostna li mhux kull tul ta’ kawża jfisser ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli. Skont hu hemm bżonn jiġi analizzat il-każ kollu, il-kumplessità tiegħu, l-imġiba tal-partijiet u jekk ir-rikorrenti kkontribwixxietx hi stess għal xi dewmien.

Barra minn hekk, l-Istat qed jargumenta li d-drittijiet kostituzzjonali mhumiex mezz biex tiġi riveduta sentenza li ma jogħġobx parti, iżda sempliċement biex jiġi evalwat jekk kienx hemm ksur ta’ proċess ġust. Il-Qorti saħqet li mhux aċċettabbli li l-proċeduri jibqgħu jdumu b’dan il-mod u li meta l-Istat jonqos milli jiggarantixxi smigħ f’waqtu, għandu jerfa’ r-responsabbiltà finanzjarja u morali ta’ din il-falliment.

B’konklużjoni ċara, il-Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas l-ammont sħiħ tal-kumpens u tgħabbih ukoll bl-ispejjeż tal-proċeduri. Din hija tfakkira qawwija li d-drittijiet fundamentali ma jistgħux jibqgħu biss miktuba fuq karta – għandhom jiġu protetti b’azzjonijiet konkreti, u meta l-Istat ifalli, irid iħallas għalih.